Awdjo: “Mhux aċċettabbli li l-YPU jinsab f’Monte Carmeli – Ministru Bartolo

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo sostna li hemm bżonn li jinbidel il-post fejn qed jingħataw il-kura u l-għajnuna tfal bi bżonnijiet jew problema ta’ imġieba.

Qal li mhux aċċettabbli li l-Young People’s Unit (YPU) jinsab fl-isptar Monte Carmeli.

Il-Ministru Bartolo qal dan bi tweġiba għall-mistoqsijiet li sarulu minn Newsbook.com.mt fid-dawl tar-rapport li sar mill-Kummissarju tas-Saħħa Mentali wara l-allegazzjonijiet li saru mill-MUMN.

Fil-jiem li għaddew, il-Ministru għall-Familja, Marie Louise Coleiro Preca wkoll sostniet ma’ Newsbook.com.mt li t-tfal ma jixirqilhomx li jkun fl-isptar Monte Carmeli.

L-investigazzjoni tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali ma teskludix li kien hemm abbuż fuq minuri fl-isptar Monte Carmeli.

Dan wara li l-MUMN kienet qalet li seħħew każi ta’ abbuż fiżiku u sesswali fuq minuri minn adulti, hekk kif it-tfal qed jinżammu fl-istess swali mal-adulti.

Wara laqgħat bejn il-Ministeri tas-Saħħa, l-Edukazzjoni u l-Familja twaqqaf kumitat li se jressaq proposti għal riforma f’dan is-settur.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru Evarist Bartolo qal li l-Gvern qiegħed jikkunsidra wkoll post alternattiv minn fejn it-tfal u adolexxenti bi problemi emozzjonali u ta’ imġieba jingħataw l-għajnuna u l-kura.