“Mhumiex żminijiet normali” – il-President jappella għal kalma

Il-President ta’ Malta George Vella qal li dawn mhumiex żminijiet normali u dak li għaddej f’Malta bħalissa huwa bla preċedent. Fi stqarrija ftit wara li xxandar il-messaġġ lin-nazzjon tal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-President appella għal kalma.

Qal li jħoss li għaddejjin minn żminijiet diffiċli, “imma jekk inżommu l-kalma u l-għaqda noħorġu minnhom bl-anqas dannu possibbli għas-soċjetà Maltija u għal pajjiżna”.

Fl-istqarrija l-President spjega li “b’sogħba u bi preokkupazzjoni kbira” kien qed isegwi minuta b’minuta dak kollu li kien għaddej b’konnessjoni mal-investigazzjoni tal-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-iżviluppi fil-qasam politiku.

Huwa stqarr li “jittama li ssir ġustizzja biex kull min kien involut f’dan l-att atroċi, li tefa’ tebgħa sewda fuq il-kuxjenza nazzjonali jieħu dak li ħaqqu”.

Dwar il-maħfra presidenzjali, il-President qal li aġixxa strettament kif titlob il-Kostituzzjoni, wara konsultazzjoni mal-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali kif ukoll pariri minn konsulenti privati. Huwa żamm is-silenzju biex iħalli l-ġustizzja tieħu triqtha.  Saħaq li skont il-Kostituzzjoni, il-poteri tal-President f’każi bħal dawn ma jmorrux aktar ‘il bogħod minn hekk. 

Il-President qal li kellu diskussjonijiet f’laqgħat kemm mal-Prim Ministru kif ukoll mal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Huwa appella li kull min għandu responsabilitajiet istituzzjonali  jew amministrattivi biex jerfa’ r-responsabilitajiet tiegħu, speċjalment f’dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni u ma jħares lejn wiċċ ħadd.