Il-paga żżomm lix-xitan milli jirreżenja – Arrigo

Robert Arrigo, id-Deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista għal Affarijiet tal-Partit, irreaġixxa għall-aħbar tar-reżenja tat-Teżorier tal-PN David Camilleri billi qallu li hu ma missux irreżenja, imma missu rreżenja “x-xitan” iżda dan ma jasalx jagħmel hekk minħabba l-paga.

Aqra: Jirreżenja t-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista

Din ir-reżenja ġiet ftit wara li Jean Pierre Debono ħabbar li mhuwiex se jieħu l-ġurament għall-ħatra biex isir Deputat Parlamentari f’isem il-PN. Dan wara li huwa kiseb 42 vot kontra l-40 vot li kiseb Kevin Cutajar nhar is-Sibt li għadda biex jieħu post David Stellini li rreżenja mill-Parlament. Mark Anthony Sammut, il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN, qal li kien hemm qerq fil-vot.

Aqra: Jean Pierre Debono mhux se jieħu l-ġurament tal-ħatra

Fil-kitba tiegħu fuq Facebook, David Camilleri elenka numru ta’ punti, fosthom li huwa kien elett bħala Rappreżentat Distrettwali tal-11-il distrett u li meta kkontesta għall-kariga ta’ Teżorier, huwa kien għadu Rappreżentant Distrettwali.

Robert Arrigo wieġbu fuq din il-kitba u qallu li raġel tajjeb jitlaq minħabba nies vili li jaqilgħu paga estrema mill-PN. Huwa wera l-fehma li Camilleri ma kienx jixraqlu jirreżenja.

“Mhumiex nagħaġ imma lpup” – Arrigo

Id-Deputat Kap Robert Arrigo sejjaħ b’mod diskret lill-koppja Jean Pierre Debono u Kristy Debono “ambizzjużi b’mod perikoluż.” Huwa rrefera għalihom bħala “mhux nagħaġ imma lpup,” hekk kif il-qiegħa fil-Partit Nazzjonalista kompliet tisħon wara li nhar is-Sibt, il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit għażel lil Jean Pierre Debono biex jieħu post David Stellini fil-Parlament wara li dan irreżenja.

Aqra: Jean Pierre Debono mhux se jieħu l-ġurament tal-ħatra

Illum it-Tnejn, Jean Pierre Debono bagħat ittra indirizzata lill-Kap tal-PN Adrian Delia li fih qal li mhuwiex se jieħu l-ġurament tal-ħatra. Huwa qal li kemm hu u kemm Cutajar kellhom il-lista ta’ min seta’ jivvota s-Sibt, u sostna li ħadd minnhom ma sab oġġezzjoni għal dawk imniżżla fuq il-lista. Debono kompla jgħid li dwar il-vot tat-Teżorier tal-Partit, David Camilleri, dan ilu xhur u qatt ma kien hemm notifika biex il-vot tiegħu jitneħħa.

Aqra: It-teżorier tal-PN f’kontroversja dwar il-vot tas-Sibt; il-PN iwieġeb

Fl-istess laqgħa, il-President tal-Kumitat Eżekuttiv Mark Anthony Sammut irreżenja mill-kariga tiegħu b’reazzjoni għar-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali, u għal kif irreaġixxew l-uffiċjali tal-Partit. Huwa qal li s-siġġu parlamentari t’Għawdex insteraq b’qerq.

Aqra: Aġġornata: Is-siġġu parlamentari ta’ Għawdex insteraq b’qerq – l-eks President tal-Eżekuttiv tal-PN

Newsbook.com.mt qed jipprova jikkuntattja lil Arrigo sabiex jikkonferma l-kummenti tiegħu. Dan il-kumment ikompli mal-kummenti li nstema’ Arrigo jgħaddi lil Kristy Debono meta żewġha ġie koptjat għall-Parlament.

Aqra: X’fiha l-iskrittura li semma Arrigo?

Robert Arrigo, id-Deputat Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit, tkellem b’mod li nftiehem jgħid li meta Jean Pierre Debono ċeda postu fil-Parlament biex jieħdu Delia kien sar xi forma ta’ ftehim sigriet bejniethom. Arrigo għal darba tnejn għamel il-mistoqsija li mit-ton dehret bħala mistoqsija dwar jekk kienx hemm xi “skrittura” privata. Dan il-ftehim qatt ma sar pubbliku. Membri tal-Eżekuttiv li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li kif tkellem Arrigo jista’ jkun li mhux eskluż li kien hemm anke xi “skrittura” bejn Delia u xi kandidati oħra fuq id-distrett.

“Għat-taparsi qed jikber l-appoġġ”

Fuq l-istess kitba fuq Facebook, kumment minnhom qajjem dubji dwar l-integrità ta’ Arrigo nnifsu fir-rigward tal-ammont ta’ flus miġbur għall-Partit Nazzjonalista f’maratoni ta’ ġbir ta’ fondi, peress li kummentatur allega li Arrigo jiġi mġiegħel ineffaħ in-numri taħt ismu biex juri li qed jikber l-appoġġ għall-PN. Arrigo wieġeb għal dan il-kumment u qal li mhuwiex minnu.

Maġġoranza bi żbrixx

Is-siġġu ta’ Debono fil-Parlament huwa dibattibbli, peress li sorsi qrib il-PN qalu lil Newsbook.com.mt li l-maġġoranza ta’ żewġ voti nkisbet permezz tal-voti tiegħu u ta’ martu. Jean Pierre Debono kiseb 42 vot filwaqt li Kevin Cutajar kiseb 40 vot. L-istess sorsi qalu li Cutajar ma ngħatax l-istess privileġġi, peress li kellu ċans jitkellem, iżda ma ngħatax l-opportunità li jivvota.

L-istess sorsi tkellmu wkoll dwar argument jaħraq bejn il-Kap tal-PN Adrian Delia u l-eks Deputat Kap Beppe Fenech Adami waqt l-istess laqgħa tas-Sibt. Fenech Adami qal li hu kien insulentat, mhedded u saritlu pressjoni għax azzarda jgħaddi xi kritika. Qalu wkoll li t-tweġiba animata tal-Kap ħasdet lil ħafna minn dawk preżenti.

Is-sorsi ta’ Newsbook.com.mt insistew li jibqgħu anonimi.