Mhu se nsolvu xejn bit-twessigħ tat-toroq – Prof. Attard

Facebook - Maria Attard

Read in English.

Il-Professur Maria Attard qalet li mhu se jissolva xejn bit-twessigħ tat-toroq f’Malta.  Mill-banda l-oħra l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta l-Ing. Frederick Azzopardi qal li l-ħin tal-ivvjaġġar bil-karozzi għandu jonqos.

Dan qaluh fuq l-istazzjon tar-radju 103 waqt li kienu qed jiġu intervistati minn Fr Joe Borg. Azzopardi qal li l-proġetti li qed isiru bħalissa huma dawk short u medium-term. Il-Professur Maria Attard li hija d-Direttur tal-Istitut għat-Tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Università ta’ Malta qalet li sfortunatament Malta baqgħet bil-mentalità li tipposponi s-soluzzjonijiet long-term u tħallihom biex isiru minn ħaddieħor – xi gvern jew awtorità oħra. Qalet li t-toroq jibqgħu jitwessgħu u jkunu disinjati biss għall-karozzi.

Hemm toroq arterjali li ġew identifikati bħala problema snin ilu – Azzopardi

Azzopardi spjega li hemm toroq arterjali li ġew identifikati snin ilu bħal dawk fil-Marsa, Santa Luċija, u Paceville li huma problema. Issa dawn il-problemi qed jiġu indirizzati. Spjega li l-gvern u Transport Malta se jkun qed jaħdmu fuq is-soluzzjonijiet long-term.

Dwar il-kritika li qed taqla’ Infrastructure Malta, Azzopardi jemmen li kieku spjegaw ruħhom aħjar mill-bidu kienu jkunu “f’pożizzjoni aħjar”.

X’inhu l-induced demand?

Attard tkellmet ukoll dwar il-kunċett ta’ induced demand. Dan jirreferi għall-idea li meta wieħed iżid il-kapaċità tat-toroq, dan jinkoraġġixxi lil aktar nies biex isuqu u allura l-konġestjoni ma titjiebx.

Qalet ukoll li t-traffiku huwa riżultat tal-attivitajiet li jagħmlu n-nies. Aktar ma’ tkun tajba l-ekonomija, aktar ma jiżdiedu l-attivitajiet, u allura aktar jiżdied it-trafifku. Attard qalet li f’Malta xi kultant in-nies jaħsbu li l-pajjiż m’għandux limitu. Qalet li minkejja li jitwessgħu t-toroq, mhu se jissolva xejn.

Attard qalet li Malta għandha bżonn tikkontrolla s-sitwazzjoni għaliex id-dipendenza fuq il-karozzi jkollha impatt negattiv ukoll fuq is-saħħa pubblika.

Filmat: Central Link: “Is-siġar jgħinuna psikoloġikament” – psikologa

Azzopardi qal li l-Infrastructure Malta dejjem tkun qed tkejjel diversi affarijiet bħal kemm jgħaddu vetturi minn ċertu postijiet. Qal li fil-ġimgħat li ġejjin jibdew joħorġu r-riżultati ta’ xi affarijiet li kienu qed jitkejlu.

Attard qalet li kien hemm numru ta’ studji li saru li qatt ma ġew ippubblikati. Żiedet tgħid li d-development statement ta’ Infrastructure Malta qalet li aktarx se jiżdiedu l-karozzi li jgħaddu mis-Central Link.

“Inti wessajt ftit, neħħejt bottle neck, u ħloqt oħra,” qalet Attard.

Santa Luċija: “Il-Gvern u l-Kunsill ma qalux il-fatti kollha”

Attard semmiet ukoll li fid-90ijiet it-toroq bdew isiru aktar dojoq biex tonqos il-veloċità tal-karozzi u tiżdied is-sigurtà. Qalet li meta t-toroq jitwessgħu tiżdied il-veloċità li biha jsuqu n-nies.

Qalet huwa prinċipju bażiku li t-toroq għandhom jiġu disinjati l-ewwel għan-nies u wara għall-karozzi. Qalet ukoll li qed tiżdied il-biża’ mit-toroq minn dawk li ma jkunux qed isuqu karozza.

Filmat u Ritratti: Velja għas-siġar u t-trakka tal-ġiri f’Santa Luċija