“Mhix Università jekk bla akkademiċi u studenti”

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li l-Università Amerikana ta’ Malta (AUM) m’għandiex tissejjah Università għax la għandha akkademiċi u lanqas studenti.
Zammit Dimech saħaq li meta wieħed iqabbel l-AUM mal-Università ta’ Malta (UOM), ikun qed jinsulenta x-xogħol siewi li jsir fil-UOM.
Dan qalu waqt konferenza tal-aħbarijiet mid-Delegazzjoni tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Kultura (CULT).
Waqt li wieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, Zammit Dimech spjega kif aktar kmieni llum id-delegazzjoni żaret l-UOM fejn tkellmet mar-Rettur il-Professur Alfred J. Vella u l-Pro-Retturi u hemmhekk enfasizza l-importanza li l-istrutturi amministrattivi ġodda li qed jiġu proposti ma jinterferixxux mal-awtonomija u l-indipendenza tagħha.
Zammit Dimech reġa’ fakkar li huwa raġunar assurd li wieħed iqabbel l-Università ta’ Malta mal-AUM. Għaldaqstant kompla jispjega kif filwaqt li l-UOM għandha wħud mill-aħjar akkademiċi fid-dinja, u tospita mal-11,000 student, il-mistoqsija dwar l-AUM tibqa’ “min qed jgħallem xiex, u lil min?”
Waqt l-istess konferenza, iċ-ċerperson tal-CULT, Petra Kammerevert tkellmet dwar kif l-UOM qed taħdem sabiex ikollha konnessjonijiet internazzjonali u toffri edukazzjoni dejjem aktar Ewropea speċifikament billi tagħmilha aktar faċli li ċ-ċertifikati u studji jiġu rikonoxxuti f’aktar pajjiżi.