“Mhix tinżamm distanza soċjali f’Monte Karmeli” – l-assoċjazzjoni tas-saħħa mentali

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Assoċjazzjoni tas-saħħa mentali qalet li fl-isptar Monte Karmeli mhix qed tinżamm id-distanza soċjali minħabba li l-wards fihom aktar nies milli suppost (overcrowded). Spjegat li ironikament il-każijiet żdiedu bl-eluf minħabba l-pandemija iżda l-ispazju tas-sodod naqsu.

Ġie spjegat ukoll li l-unika ward għall-kura tas-saħħa mentali issa hija dik fl-isptar Monte Karmeli fejn hemm nuqqas ta’ staff.

L-Assoċjazzjoni qalet dan fl-isfond tal-pandemija tal-Covid-19 fejn spjegat li minħabba l-effetti fuq is-saħħa u l-ekonomija, individwi li qabel qatt ma kellhom bżonn servizzi ta’ saħħa mentali issa qed ikollhom jirrikorru għal professjonisti tas-saħħa mentali biex jirkupraw mit-tensjoni li żdiedet.

Fi stqarrija l-assoċjazzjoni qalet li tinsab imħassba bis-sitwazzjoni tas-saħħa mentali f’Malta hekk kif f’mument li hawn bżonn żieda fil-kura, il-Gvern neħħa s-sala psikjatrika mill-isptar Mater Dei u dan kontra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Huma għalhekk talbu lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex jisma’ dan l-appell għall-għajnuna u jmexxi skont dak stabbilit fl-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa Mentali.

Fl-istqarrija l-Assoċjazzjoni rreferiet għall-każ fi Spanja fejn il-Gvern mexxa pazjenti tas-saħħa mentali minn sptarijiet pubbliċi għal sptarijiet privati iżda f’Malta dan sar biss għall-pazjenti bil-coronavirus.

Stqarru li s-servizzi nbidlu drastikament f’Malta minħabba l-Covid-19 u s-settur tas-saħħa mentali tilef il-progress li rnexxielu jakwista fl-aħħar snin.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn