Mhix sitwazzjoni faċli iżda preparati – Fearne

Miguela Xuereb

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-miżuri li kull pajjiż irid jieħu huma skont it-tixrid tal-virus u x-xenarju ta’ dak il-pajjiż partikulari, jiġifieri dak li qed isir fl-Italja mhux bilfors hu tajjeb għal Malta. Huwa qal li f’Malta ma kienx hemm tixrid fil-komunità jew tixrid f’Malta, iżda hawn biss każijiet impurtati. 

Meta kien qed jagħmel stqarrija fil-Parlament dwar il-każijiet tal-coronavirus f’Malta, Fearne qal li l-miżuri li qed nieħdu huma skont l-istadju li pajjiż jinsab fih. Huwa qal li l-Gvern mistenni jieħu provedimenti oħra jekk u meta jkun hemm tixrid fil-komunità fosthom azzjoni dwar iffullar fuq il-karozzi tal-Linja. Huwa qal li bħalissa l-miżuri li ħa l-Gvern fosthom li jwaqqaf l-attivitajiet tal-massa biex jindirizza l-periklu li bħalissa jeżisti li jkun hawn każijiet impurtati. Huwa spjega li miżuri żejda u qabel minn waqthom jista’ jkollhom effett bil-kontra. 

Huwa qal li hawn żewġ strains tal-virus, wieħed iktar qawwi minn dak l-oriġinali. Fearne stqarr li fiċ-ċentru li fetaħ dalgħodu diġà saru 30 swab għal persuni suspettati. Huwa qal li jrid iserraħ ras kulħadd li l-miżuri kollha qegħdin f’posthom u jittieħdu meta jkun hemm bżonnhom. Stqarr li s-sitwazzjoni mhix faċli iżda li jinsabu preparati biex jipproteġu l-poplu Malti.

Punti oħra:

  • Każijiet impurtati u l-ebda każ ta’ tixrid tal-coronavirus f’Malta
  •  400 swab kollha negattivi ħlief il-ħames każijiet aċċertati
  •  Il-pariri ta’ vjaġġar mhux neċessarju għandu jieqaf għall-pajjiżi kollha fejn hemm il-virus;
  • Assembly li ssir fuq ġewwa fl-Iskejjel m’għandhomx isiru;
  •  Il-Malta Football Association trid tieqaf tbigħ il-biljetti meta tilħaq l-2,000 spettatur.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonniċi qal li wara d-deċiżjoni tal-kabinett, dawk it-tfal u l-edukaturi li marru Sqallija minn għada jridu joqogħdu d-dar. Huwa qal li l-MUT ħarġet direttiva minn jeddha li kwalunkwe attività ta’ 30 persuna li tinkludi l-parents day għandhom jitħassru. Huwa qal li ċ-ċifri tal-assenteiżmu kien biss 5% iktar mis-sena li għaddiet jiġifieri n-nies qed jibagħtu t-tfal tagħhom l-iskola.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn