“Mhix reali l-idea li mietet kull persuna anzjana li mardet bil-Covid-19” – Farrugia

Anzjani Maltin

Il-Ministru għall-Kura tal-Anzjani Michael Farrugia ħa l-ħin tal-aġġornament tal-bieraħ filgħaxija biex jitkellem dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija f’Malta. Filwaqt li jammetti li l-anzjani huma l-aktar vulnerabbli, saħaq li mhux veru li kull anzjan  infettat bil-Covid qed imut.

“Din l-idea, ħa nitkellem b’mod ċar li kull persuna anzjan li marad bil-Covid, sfortunament miet, mhix reali. La fejn għandu x’jaqsam id-dar tal-anzjani, la fl-Isptar Mater Dei u lanqas fiċ-ċentri fejn qed jinżammu l-persuni pożittivi. U l-persentaġġi jitkellmu b’mod ċar u wieħed jirrealizza l-qerq li għaddej. Iva kull persuna li mietet hija persuna, hemm familja li batiet, b’ċirkustanzi fejn fl-aħħar jiem kellhom joqogħdu ’l bogħod mill-qraba tagħhom,” kompla jgħid Farrugia.

Huwa qal li l-Gvern ma jistax jagħti garanzija li ma jkun hemm ħadd infettat iżda qed jaħdem biex jonqsu l-każijiet fost l-anzjani.

“Se nibqgħu naħdmu biex numru inqas ta’ anzjani jiġu nfettati. Li ma jkun hemm ħadd infettat le, ma nistax nagħti garanzija, li nnaqsu qed naħdmu għaliha. Għandna l-Awtorità tal-Istandards li qegħda bħal seqer iddur id-djar tal-anzjani, tara li kulħadd jimxi mal-protokolli”, żied jgħid.

Il-Ministru Farrugia għadda mbagħad biex ixejjen il-kritika tal-Oppożizzjoni li Malta se jkollha biss 40,000 tilqima.

“Minn fejn ġabuha din tal-40,000 tilqima meta l-Gvern se jkollu biżejjed biex ilaqqam il-poplu Malti għal darba darbtejn u jibqagħlu żżejjed? Ħa jkollna tilqim biżżejjed għal popolazzjoni kollha, u jekk ikollna nagħtu żewġ dożi nagħtuhom ukoll, u ħa jkollna wkoll biżżejjed biex nagħtu anki lill-pajjiżi li jistgħu jkunu fil-bżonn, illi naqsmu magħhom iż-żejda li jkollna”.

Farrugia tkellem dwar il-bżonn li kulħadd jitlaqqam. “Ejja ma nħallu lil ħadd ibeżża’ lin-nies milli jitlaqqmu. Ejja ma ngħidux li bit-tilqima mhux biżżejjed u qisna m’għandniex għalfejn nitlaqqmu għax mhux biżżejjed”, kompla jispjega.

“Ejja ma nwasslux messaġġi ħziena. Nagħmel appell lill-Oppożizzjoni biex fuq din naqblu biżżejjed li waqt il-pandemija, l-Oppożizzjoni ma kinetx tissapportja lill-Gvern u pruvat tkun popolista,” temm jgħid Farrugia.

S’issa mietu 146 persuna bil-Covid-19 bil-maġġoranza tagħhom ikunu anzjani. Dalgħodu l-Ministru għas-Saħħa ħabbar 5 imwiet oħra, kollha anzjani.

X’taħseb dwar id-diskors tal-Ministru?

Ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt jew ikkummenta hawn taħt.