Mhix kwalifikata tkun ċerpersin tal-Mużew tal-Arti Kontemporanja – Professur tal-Arti

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Istorja tal-Arti Keith Sciberras qal li Phyllis Muscat m’għandhiex tokkupa l-irwol ta' Ċerpersin fit-tmexxija tal-Mużew il-ġdid tal-Arti Kontemporanja.
Fuq Facebook, il-Professur tal-Arti qal li f’Malta “teżisti realtà kerha fejn persuni bħal Phyllis Muscat iħossuhom komdi li għandhom il-ħiliet neċessarji biex imexxu kumitat għat-twaqqif ta’ dak li kellu jkun wieħed mill-aktar proġetti eċitanti għall-arti kontemporanja”.
Filwaqt li rribatta kummenti dwar il-bżonn ta’ mużew għall-arti kontemporanja f’Malta, il-Professur Sciberras reġa’ saħaq fuq il-bżonn ta’ persuni b’ħiliet kompetenti għall-irwol li jkunu qed jaqdu.
Temm jgħid li Muscat kellha tassigura postha fuq il-kumitat għall-ħbieb tal-mużew u mhux fit-tmexxija tiegħu.
Dan il-mużew ġdid, bl-isem ta’ Malta International Contemporary Art Space (MICAS) kien tħabbar fil-Baġit għal din is-sena.
F’Jannar li għadda, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici kien qal fil-Parlament li l-kontinwazzjoni ta’ dan il-proġett għal din is-sena huwa stmat li jiswa €275,000.
Fil-gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa li għaddiet, il-Gvern ħabbar li Phyllis Muscat se tassumi l-kariga ta’ Ċerpersin għal perjodu ta’ sena.
Għadu mhux magħruf kemm hu l-pakkett finanzjarju marbut ma’ dan l-irwol ġdid.
Fl-2013 Phyllis Muscat kienet inħatret bħala l-Kap tan-National Task Force għal-laqgħat taċ-CHOGM tal-2015 u kienet tirrispondi direttament lill-Prim Ministru.