Mhix kuntenta bin-numru ta’ petizzjonijiet mibgħuta lill-PE

L-Ewroparlamentari Laburista, Marlene Mizzi, temmen li mhumiex jintbagħtu biżżejjed petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew, meta wieħed iqis il-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Mizzi hija l-Viċi-President tal-Kumitat PETI fil-Parlament Ewropew, il-kumitat li jieħu ħsieb li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu jistgħu iressqu fil-PE kwistjonijiet li huma importanti għalihom fil-ħajja ta’ kuljum, u li jkollhom it-tħassib tagħhom indirizzat speċifikament mill-MEPs.
Mizzi kienet qed tintervjeni fi Strażburgu, fejn il-Membri tal-PE kienu għadhom kemm ivvutaw dwar ir-Rapport Annwali fuq l-attivitajiet tal-PETI.
Ħeġġet lill-PE fi Strasburgu biex jipprovdi għarfien aħjar tad-dritt taċ-ċittadini tal-UE biex iressqu petizzjoni lill-Parlament Ewropew.
“Naqbel li għandu jkun hemm aktar komunikazzjoni pemezz tal-istampa u l-midja soċjali biex jikber l-għarfien tas-servizzi offruti minn dan il-kumitat importanti,” ikkummentat Marlene Mizzi.
Temmet tgħid li rispons effiċjenti u fil-ħin għall-petizzjonijiet taċ-ċittadini huwa ta’ importanza assoluta, għax jirrifletti l-importanza li l-UE tagħti liċ-ċittadini.