“Mhix il-politika li ħlift għaliha sentejn ilu” – Farrugia Portelli

Read in English.

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli sostniet li l-politika kurrenti mhix il-politika li ħalfet għaliha meta bieset is-salib sentejn u nofs ilu.

Dan qalitu f’messaġġ imqanqal kmieni dalgħodu wara l-aħħar żviluppi fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-membri ogħlja fil-Gvern li spiċċaw qed jiġu interrogati minħabba korruzzjoni.

Hi sostniet li li daħlet fil-politika biex isservi u taħdem b’kuraġġ u umiltà. Qalet li l-għan tagħha kien dak li tgħin lil min kien “għatba l-isfel biex jitla’ tarġa ‘l fuq”. Sostniet li l-ħobża tagħha ta’ kuljum dejjem ħadmet għaliha b’mod diċenti u nadif, bħal kull familja normali f’Malta.

Irrimarkat li temmen li l-maġġoranza tal-politiċi daħħlu fil-politika b’dan l-ispirtu. Qalet li huwa kliem li jweġġa’ meta mal-massa tiġi ttimbrat bħala qattiel, korrott u mafjuż għad din mhix il-verità. Insistiet li hija wkoll l-agħar stampa li wieħed jista’ jagħti lill-ulied li għadhom tilgħin u li jixtiequ jidħlu fil-politika.

Ammettiet li Malta għandha bżonn li tistrieh u tibda tfejjaq il-ġerħa mill-aktar fiss. Appellat għall-għaqda sabiex dan ikun jista’ jsir. Insistiet dwar il-bżonn li l-klassi politika tibqa’ taħdem u “turi bil-ħidma li mhux kollox mitmum.”

Temmet tgħid li bħala politiċi, xogħolhom huwa dak li jkollhom il-kuraġġ jgħidu dak li tassew nemmnu b’mod ċivili.

Il-messaġġ ta’ Farrugia Portelli ġie propju wara li lbieraħ ħarġet aktar informazzjoni fil-beraħ dwar il-fejn sejrin l-investigazzjonijiet fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-korruzzjoni f’persuni f’pożizzjonijiet awtorevoli għoljin.

Ilbieraħ, it-Times of Malta rrapporta li n-negozjant u sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech, semma lill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri bħala l-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan ifisser illi l-każ iggrava ħafna aktar.

Schembri rreżenja mill-pożizzjoni tiegħu t-Tlieta li għadda. Flimkien miegħu rreżenja minn Ministru Konrad Mizzi u ssospenda lilu nniffsu l-Ministru Chris Cardona. Mizzi baqa’ membru parlamentari, filwaqt li t-termini tas-sospensjoni ta’ Chris Cardona għadhom mhux magħrufa.

Intant, sorsi qrib l-investigazzjoni qalu ma’ Newsbook.com.mt, li rikording li ssottometta Melvin Theuma, li qed jitqies bħala s-sensar fl-assassinju, juru li Theuma u Fenech għamlu mħatra dwar jekk il-Partit Laburista hux se jirbaħ b’maġġoranza kbira l-elezzjoni tal-2017. Theuma, li hu magħruf li jżomm il-logħob fuq l-idejn, aċċetta din l-imħatra ta’ €50,000, u r-rebħ minnha li kellu jammonta għal €150,000 inżamm mill-istess Theuma u ntefa’ fis-sassla għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.