“Mhix ġustizzja li l-PM jiddefendi lil dawk li kkomunikaw ma’ Yorgen fl-2019” – Azzopardi

Robert Abela Yorgen Fenech

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja qal li mhijiex ġustizzja li l-Prim Ministru Robert Abela jiddefendi lill-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li żammew kuntatt ma’ Yorgen Fenech fl-2019.

Yorgen Fenech huwa akkużat b’kompliċità tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u bħalissa għaddejja l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrih. Hu ġie arrestat f’Novembru tal-2019. Fl-2018, ġie żvelat li Fenech huwa sid il-kumpanija 17 Black, ibbażata f’Dubaj.

Tul ix-xhur li għaddew ħarġu diversi rapporti fuq il-komunikazzjoni bejn Fenech u nies imlaħħqin fil-politika. Dan ix-xahar fil-qorti mistennija jiġu esebiti l-konverżazzjonijiet ta’ Fenech ma’ diversi persuni fuq WhatsApp.

Hu u jitkellem waqt konferenza stampa tal-Partit Nazzjonalista, l-Avukat Jason Azzopardi elenka lista ta’ affarijiet li qegħdin isiru kontra l-kors tal-ġustizzja. Il-konferenza indirizzaha flimkien mal-President tal-Forum Professjonisti PN Graham Bencini u l-President tal-Forum Opportunitajiet Indaqs PN Graziella Attard Previ dwar it-12-il pilastru tal-viżjoni tal-PN.

Huwa qal li jeħtieġ li nissaħħu flimkien għax mhix ġustizzja li l-Prim Ministru Robert Abela għadu ma ċaħadx l-allegazzjoni li eks uffiċjal għoli fil-Partit Laburista u fil-Gvern Laburista kien involut bħala l-mandant tal-hold-up tal-HSBC fl-2010. Din l-allegazzjoni żvelaha hu stess waqt il-programm ta’ Prof. Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart nhar is-Sibt li għadda, meta qal li Vince Muscat il-Koħħu, wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista, qal lill-pulizija li jista’ jagħtihom isem Ministru kurrenti li kien involut fl-ippjanar tas-serqa mill-HSBC.

Nhar il-Ħadd, Azzopardi nnota kif il-PM ma ċaħadx din l-allegazzjoni u l-oħra fit-Times of Malta li eks uffiċjal għoli tal-PL kien involut f’din is-serqa.

Jason Azzopardi qal ukoll li mhix ġustizzja li għad hawn dewmien esaġerat fil-Qrati, li Abela jiddefendi l-ħtif tal-istituzzjonijiet, li Abela ma jaqbiżx għall-impjiegi fis-servizzi finanzjarji li huma mhedda. Apparti hekk, saħaq li mhix ġustizzja li l-Gvern jirrifjuta l-proposti tal-PN biex ikun illegali li uffiċjali pubbliċi jużaw emails privati għax-xogħol tal-Gvern, biex id-dritt tal-amministrazzjoni retta jkun miktub fil-Kostituzzjoni, biex jitwaqqaf l-Uffiċċju ta’ Kummissarju li jiġġieled il-korruzzjoni fuq inizjattiva tiegħu, biex il-ġurnalisti jkunu protetti minn SLAPP u biex id-dmirijiet ta’ Gvern caretaker ikunu miktuba fil-Kostituzzjoni biex jiġi evitat abbuż.

Min-naħa tagħha, Graziella Attard Previ fissret kif il-PN irid jimplimenta mudelli soċjali innovattivi u b’saħħithom fejn il-politika ekonomika tikkunsidra l-kwalità tal-ħajja tal-bniedem, oltre mill-ġid materjali biex tinkorpora l-benesseri tal-bniedem. Biex dan iseħħ irid jiġi assigurat li l-iżvilupp ekonomiku ma jinsa lil ħadd, saħqet Attard Previ.

Graham Bencini qal li skont l-istħarriġ annwali ta’ Expat Insider imwettaq minn assoċjazzjoni internazzjonali msejħa Internations, bejn l-2016 u l-2019, il-kwalità tal-ħajja f’Malta naqset b’rata allarmanti. Stqarr li l-Gvern mhux jindirizza din il-problema, mentri għall-PN, il-benesseri tan-nies li jgħixu f’Malta hija prijorità u l-kwalità tal-ħajja u l-elementi li jiddeterminaw il-kwalità tal-ħajja huma wieħed mit-12-il pilastru tal-viżjoni tal-PN għal Malta.