“Mhix etika politika li attivitajiet nazzjonali jittellgħu f’Montekristo”

Flimkien għal Ambjent Aħjar iddeskriviet bħala nuqqas ta’ etika politika, il-fatt li diversi attivitajiet nazzjonali, attivitajiet politiċi u anke kummerċjali, għadhom jittellgħu f’Montekristo li ddeskrivietu bħala “l-akbar żvilupp illegali f’Malta.”
L-NGO fakkret kif bħal-lum sena, il-Forzi Armati ta’ Malta u anke membri mill-Korp tal-Pulizija kienu Montekristo biex jaraw li bini illegali fil-post jitwaqqa'.
Fi kliem l-NGO, din il-ħidma ta’ infurzar kienet biss farsa għax sal-lum, sena wara, mhux biss il-maġġoranza tal-binjiet illegali f’Montekristo għadhom hemm, iżda anke l-park tal-annimali, fejn ilbieraħ tifel weġġa’ serjament f’wiċċu wara li attakkatu tigra.
Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth u l-Assoċjazzjoni tar-Ramblers saħqu li l-inċident tal-bieraħ huwa kawża “tat-tolleranza ta’ prattiċi illegali u mhux siguri.”
Fl-aħħarnett l-għaqdiet flimkien sostnew li l-park tal-annimali f’Montekristo jmur kontra l-istandards internazzjonali tal-ħarsien tal-annimali u sejħu lill-awtoritajiet biex jieħdu passi u jagħlquh minnufih.