“Mhix etika li tattira l-ħamiem biex toqtolhom” – PD

Il-Partit Demokratiku wera t-tħassib tiegħu fuq il-qtil ta’ massa ta’ ħamiem li għadda mill-Kabinett bħala mod kif jiġi kkontrollat in-numru ta’ ħamiem f’Malta. Filwaqt li qal li jifhem li l-ħamiem għandu effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq il-propjetà, il-PD qal li mhijiex etika li tattira l-ħamiem ġo gaġeġ kbar biex imbagħad tivvelenahom.
Fi stqarrija, Mark Zerafa, li hu l-kap tal-grupp tal-policies tal-PD dwar id-drittijiet għall-annimali, saħaq li dan il-metodu joħloq sofferenza li m’hemmx bżonnha għal dawn l-għasafar. Huwa insista li l-Gvern jagħti iżjed informazzjoni fuq l-ikel u s-sustanzi li beħsiebu juża f’dan ir-rigward.
Huwa kompla jgħid li jeżistu metodi aktar umani li jistgħu jintużaw, li ma jwasslux għall-qtil tal-ħamiem li jinterferixxi fil-proċessi ta’ riproduzzjoni tal-għasafar. Dawn il-metodi alternattivi ntużaw b’suċċess fi bliet bħal Ġenova u Barċellona.
Skont Zerafa, il-qtil tal-ħamiem lokalment ikun soluzzjoni temporanja, peress li x’aktarx imbagħad, jibdew jiġu f’Malta ħamiem mill-inħawi tal-madwar.
F’appell aħħari lill-Gvern, huwa qal li pajjiż jista’ jiġi ġġudikat mill-mod kif jittratta l-annimali. Għalhekk ħeġġeġ lill-Gvern biex jagħti eżempju tajjeb u juża metodi aktar umani biex isolvi din il-problema.