M’hemmx xogħol inqas dinjituż minn ieħor – l-Arċisqof

Kurja - Knisja.com/ritratti

Read in English.

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna qal li m’hemmx xogħol li huwa inqas dinjituż minn xogħol ieħor.

Dan qalu waqt il-pontifikal fil-festa ta’ San Publiju fil-Furjana llum. Il-kongregazzjoni kienet immexxija mill-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella.

L-Arċisqof tkellem dwar San Publiju, li kien il-Gvernatur (protos) ta’ Malta meta San Pawl ġie Malta. Mons. Scicluna qal li Publiju ltaqa’ ma’ xi ħadd li tah perspettiva ġdida fuq id-dinja, li “jagħtih mod ġdid kif iħares lejn is-soċjetà u lejn ħutu l-ħaddiema”. Dan il-bniedem kien San Pawl li kien ħabsi tal-Imperu Ruman. F’dak iż-żmien, missier Publiju kien qed imut. Però, San Pawl irnexxielu jfejqu.

“U dan il-ħabsi l-ewwel gidmitu lifgħa u ma jmutx, imbagħad ifejjaqlu lil missieru. Nistgħu napprezzaw li l-impatt ta’ dan il-priġunier fuq Publiju kien qawwi ħafna,” qal Mons. Scicluna.

“Immaġinaw Protus ta’ gżira bid-dinjita kollha tiegħu li jagħtih l-imperu Ruman, jisma’ li missieru fieq bil-qawwa ta’ mastrudaxxa! Mastrudaxxa minn post imwarrab tal-periferija tassew, jismu Nazaret.”

L-Arċisqof qal li dan il-mastrudaxxa, Ġesù, issallab mir-Rumani stess. Publiju kien jaf kif taħdem is-sistema li kien parti minnha li dik it-tip ta’ mewt kienet tingħata biss lill-ilsira, “lil dawk li mhumiex ċittadini, lil dawk li m’għandhomx jagħmlu xogħlijiet bħalma jgħid San Ġwann Pawlu II, li ma jixirqux lil bniedem ħieles.”

L-Arċisqof qal lill-kongregazzjoni li għandha tiġġedded fl-“ispirtu ġenwin” ta’ San Publiju. Elenka l-valuri ta’ dan il-qaddis fosthom li kulħadd jingħata opportunitajiet ugwali u li ma jkunx hemm distinzjoni bejn ċittadini u barranin.

“Tagħmel x’tagħmel inti bniedem, għandek id-dinjità. U m’hemmx xogħol li huwa inqas dinjituż minn xogħol ieħor. Din il-ħaġa lil Publiju ma għallmitilux l-imperu, għallimielu Ġesu l-mastrudaxxa ta’ Nazaret imsallab.”

Illum ark tal-injam, u għada? – l-Arċisqof

Mons. Scicluna tkellem ukoll dwar il-ħruq tal-Ark ta’ San Publiju fil-Furjana. Qal li minn għamel dan l-att ried jagħti messaġġ. Qal li min wettaq l-att ma kellux il-kuraġġ jieħu l-konsegwenza tal-att kriminali tiegħu.

“Aħna nibqgħu nittamaw li fuq din l-art għad baqa’ ftit ġustizzja wkoll,” qal l-Arċisqof.

Filmat: “Att krudili”; Nirien jaħkmu l-Ark ta’ San Publiju fil-Furjana

L-Arċisqof qal ukoll li l-poplu għandu bżonn id-determinazzjoni li ma jħalli lil ħadd bil-kapriċċi tiegħu jtellfu dak li huwa għażih għalih.

“Illum ark tal-injam prezzjuż, uniku, għada x’jista’ jkun? Irridu  nitgħallmu nirreaġixxu għal min irid itellifna l-valuri li ħaddan Publiju. Aħna ma naċċettaw lil ħadd jagħmel vjolenza fuqna u nibqgħu nieqfu nħarsu. X’se nagħmlu? Fejn tkisser, nerħġgħu nibnu, fejn inħaraq jerġa jitwieled mill-ġdid.”

L-Arċisqof qal li jkun hemm min jgħid li dawn ikunu flus moħlija li setgħu marru għand il-foqra. Qal li l-fqar dejjem ikunu mal-Knisja u li meta ssir ħaġa m’għandhiex tintesa l-oħra. Qal ukoll li waqt li jerġa’ jinbena l-Ark ikun tajjeb li ssir opra ta’ ġid soċjali ddedikata lil San Publiju.

Publiju kien mexxej ta’ azzjoni – l-Isqof Awżiljarju

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li Publiju kien mexxej ta’ azzjoni. Qal li Publiju jgħallem li meta wieħed jitkellem dwar li jgħożż f’qalbu, dan irid jurieh bil-fatti. Waqt il-quddiesa lejlet il-festa ta’ San Publiju, l-Isqof qal li Publiju jibqa’ ta’ eżempju kemm għal min hu mexxej kif ukoll għan-nies l-oħra.

Aqra l-omelija sħiħa minn hawn: