M’hemmx umiltà mingħajr umiljazzjoni

Meta kellem lil dawk miġbura għall-quddiesa tiegħu f’Santa Martha l-ġimgħa li għaddiet, il-Papa Franġisku qalilhom li m'hemmx umiltà vera mingħajr umiljazzjoni.
Dakinhar l-ewwel qari tal-liturġija kien dwar l-umiljazzjoni tar-Re David. Il-Papa qal li David kien raġel kbir. Kien rebaħ lil Gulia u kellu qalb nobbli tant li għalkemm kellu żewġ okkażjonijiet biex joqtol 'il Sawl, dan m'għamlux.
Imma David kien ukoll midneb, kien għamel adulterju u ordna l-qtil ta’ Uriah. B’danakollu l-Knisja tqimu bħala qaddis għx hu ħalla lil Alla jibdlu, aċċetta l-maħfra, dineb u għaraf li kien midneb.
Il-liturġija tiffoka fuq l-umiljazzjoni ta’ David. Ibnu, Absalom jirvilla kontrih imma David ma ħasibx  biex isalva ġildu imma ried isalva lil niesu, u t-tempju. David ħarab u din il-mossa li tidher bħala waħda ta’ kodard, fil-fatt kienet mossa kuraġġjuża ħafna. Hu ma waqafx jibki u għalkemm kien sultan, kien ħafi.
Il-Papa qal li David ma kienx umiljat biss bit-telfa u għax kellu jaħrab, imma kien umiljat ukoll bl-insulti li qala’.  Infatti waqt li kien qed jaħrab kien hemm raġel li seħtu u waddablu l-ġebel u qallu li Alla kien keċċieh u ħalla s-saltna f’idejn ibnu Absolom.
Dan ir-raġel, kompla jgħid il-Papa, qal lil David li kien fallut għax kien qattiel. U David ħallieh jgħajru u jidgħilu għax ħaseb li Alla għad ipattihielu għall-insulti li kien qed jaqla'.
Il-Papa fakkar li anke Kristu sofra l-insulti meta kien tiela’ l-kalvarju biex jifdina. Hu kien insultat u mwarrab. Ġesù kien umiljat ukoll. 
“Kultant naħsbu li l-umiltà hi li wieħed joqgħod kwiet, forsi jħares lejn l-art… imma anke l-ħnieżer jimxu b’rashom baxxuta: din mhux umiltà. Din hi umiltà falza li la ssalva u anqas tħares il-qalb.
Irridu nkunu konxji li m'hemmx umiltà vera mingħajr umiljazzjoni, u jekk m’intix kapaċi tittollera li ġġorr l-umiljazzjoni fuq spalltek, m’intix veru umli: tippretendi li int umli iżda m’intix”.
Il-Papa rrimarka li kemm David kif ukoll Alla tgħabbew bid-dnubiet tal-oħrajn u qal: David hu qaddis u Ġesù li hu Alla hu qaddis ukoll, u t-tnejn kienu umiljati.
“Dejjem ikollna t-tentazzjoni li nwieġbu għat-tgħajjir u nopponu dak li jumiljana jew li jġegħelna nistħu. Iżda Alla jgħidilna li dik mhix it-triq li għandna nieħdu. It-triq it-tajba hi dik li ħadu Kristu u David: inġorru l-umiljazzjoni. Dan Alla jpattihulna bit-tama.”
Il-Papa temm id-diskors tiegħu billi wissa li l-umilta mhix li wieħed jiġġustifika ruħu meta jkunu offiż u jippretendi li kollox sew: “Jekk m’intix kapaċi ġġorr l-umiljazzjoni m’intix umli. Ejja nitolbu 'l Alla għall-grazzja tal-umiltà bl-umiljazzjoni.
Kien hemm soru li kienet tgħid  ‘Iva, jien umli, imma qatt umiljata!’ "Le, le! M’hemmx umiltà mingħajr umiljazzjoni. Kif  jgħallimna San Injazju nistgħu anke nitolbu 'l Alla jibagħtilna l-umiljazzjoni biex insiru nixbhu aktar lill-Mulej”.