‘M’hemmx raġuni għaliex nużaw l-iżolament bħala kastig’ – Prof. Azzopardi

Read in English.

Id-dekan tal-Fakultà għall-Ħarsien Soċjali, l-Professur Andrew Azzopardi sostna li m’hemmx raġuni għaliex ir-reklużjoni fil-Faċilità Korretiva ta’ Kordin għandha tibqa’ tintuża filwaqt li reġa’ tenna l-impatt negattiv li dan it-tip ta’ kastig ikollu fuq persuna.

Il-Professur Azzopardi kien intervistat minn Fr Joe Borg waqt il-programm Newsbook Hour li jixxandar fuq 103fm is-Sibt filgħodu. Iktar kmieni f’Awwissu, id-dekan kien ħareġ stqarrija fejn spjega li bħala dekan tal-Fakultà ma setgħax jibqa’ passiv quddiem din il-prattika u stqarr li jinsab lest li jagħi daqqa t’id anki permezz tal-fakultà li jmexxi.

Aqra: L-iżolament m’għandu qatt jintuża biex jiddixxiplina lil min ma jobdix – Prof. Azzopardi

Ir-reklużjoni hi meta persuna tkun qed tiskonta sentenza l-ħabs titneħħa mill-popolazzjoni ġenerali tal-ħabs jew mid-diviżjoni tagħha, u titpoġġa f’diviżjoni waħidha. Ġeneralment persuna li tkun fid-diviżjoni tal-iżolament jitneħħewlha l-privileġġi kollha.

Professur Azzopardi spjega li f’Malta persuna tista’ tinbgħat fid-diviżjoni tal-iżolament kemm mid-Direttur tal-Ħabs stess iżda wkoll mill-Qorti hekk kif il-Kodiċi Kriminali tipprovdi għaliha. Huwa rrefera għall-każ ta’ Nizar al Gadi li kien nstab ħati li qatel lill-eks mara tiegħu Margaret Mifsud. Al Gadi kien għadda ġuri u ngħata għomor il-ħabs kif ukoll sentenza ta’ 50 ġurnata fis-sena ta’ reklużjoni kemm idum il-ħabs.

Id-dekan saħaq li għalkemm ir-reklużjoni hi waħda mill-għodod li d-direttur tal-ħabs għandu f’idu biex jagħti kastig, dan ma jarahx il-każ. Huwa stqarr li persuna li tinżamm fid-diviżjoni tal-iżolament tiswa’ lil dawk li jħallsu t-taxxa iktar. Dan għaliex li r-riċerka turi b’mod konsistenti li r-reklużjoni għandha impatt negattiv fuq il-psikoloġija tal-persuna li tispiċċa hemm. Sostna li l-impatt mhux wieħed immedjat biss, iżda wkoll fit-tul. Profs. Azzopardi temm jgħid li ma jara xejn riformattiv meta dan il-kastig qed ikisser l-ispiritu ta’ persuna.

Il-ħabs qisu lukanda?

Mistoqsi jekk il-lukanda huwiex ħabs, Professur Azzopardi daħak u qal li min iżur lil xi ħadd il-ħabs jaf li dan mhux minnu. Saħaq li f’dawn l-aħħar sentejn sar diversi titjieb u elenka numru ta’ eżempji.