“M’hemmx kontestant wieħed li jista’ jgħaqqad lill-PN” – Marlene Farrugia

Il-Kap tal-Partit Demokratiku, Marlene Farrugia, saħqet li mill-kontestanti li s’issa tefgħu n-nomina għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, m’hemmx wieħed li huwa b’saħħtu biżżejjed biex “jgħaqqad lill-partit u jnibbet il-pontijiet ma’ kull saff tas-soċjetà.”
Farrugia qalet dan meta dalgħodu kitbet messaġġ fuq Facebook.
Hija kompliet tgħid li l-unika mod kif jitwaqqaf Gvern li ddeskrivietu “bla mistħija u bla rażan”, huwa li jkun hemm Oppożizzjoni li tispira l-fiduċja.
Skontha, is-soluzzjoni hi li l-PN jibdel l–istatut tiegħu sabiex il-kap jintgħażel mill-membri kollha u mhux mill-kunsilliera biss.
“Hekk jinqatgħu l-klikek li qed ikomplu jifnu lill-partit”, kompliet tgħid Farrugia.
Talbet sabiex Simon Busuttil jibqa’ l-mexxej, jew jinstab mexxej ta’ tranżizzjoni, sakemm jinbidel l-istatut u xi strutturi tal-partit, inkluż is-sħubija.
Dan sabiex kull kandidat, kunsillier jew deputat tal-PN ikollu l-opportunità li jikkontesta, kemm jekk hu membru kif ukoll jekk mhuwhiex, kitbet il-Kap tal-PD.
Iddeskriviet il-fatt li preżentament fil-PN ma tistax tikkontesta għal kap jekk ma tkunx membru, bħala “ċuċata”.
Temmet il-kitba tagħha tgħid li l-PD inħoloq sabiex iżomm lill-Oppożizzjoni magħquda, u tenniet it-talba li l-PN jiġġedded mill-qiegħ sabiex jixpruna bidla fil-politika f’Malta li, fost oħrajn, teħles mill-ktajjen li bihom imtaqqlin iż-żewġ partiti.
Sadanittant, ilbieraħ ikkonferma l-kandidatura tiegħu għal Kap tal-PN it-tielet persuna, it-teżorier tal-partit, Alex Perici Calascione.  Dalgħodu ż-żewġ kontestanti l-oħra, Chris Said u Adrian Delia nedew il-kampanja tagħhom f’żewġ konferenzi tal-aħbarijiet differenti.