“M’hemmx għalfejn naqblu f’kollox” – Delia dwar il-protesta

PN

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li m’hemm għalfejn jaqblu f’kollox mas-soċjetà ċivili li qed torganizza l-protesta tal-lejla fil-Belt Valletta kontra l-korruzzjoni.

Adrian Delia qal dan f’kumment telefoniku fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista filwaqt li fisser li għalkemm hemm indifferenzi mal-organizzaturi tal-protesta, xorta ħaseb li jipparteċipaw peress li s-suġġett se jkun il-korruzzjoni u dan jaqbel ma’ dak li jaħseb il-PN. Qal li l-PN irid ikun minn ta’ quddiem biex jissapportja lil dawk li huma kontra l-korruzzjoni.

Il-protesta qed tiġi organizzata minn Repubblika u Occupy Justice fis-16 tax-xahar, il-ġurnata li jfakkru l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

AQRA: Protesta fil-Belt nhar is-Sibt

Huwa fisser ukoll li minħabba l-avanzi fil-mezzi soċjali, persuna waħda tista’ tikkomunika mal-massa. Huwa qal li bl-istess mod, is-soċjetà ċivili għandha l-għodda biex torganizza ruħha.

“Minkejja r-reputazzjoni, Muscat ma jneħħix lil Schembri”

Adrian Delia qal li minkejja li r-reputazzjoni ta’ Malta qed titappan, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma jridx ineħħi lil Keith Schembri minn kap tal-uffiċċju tiegħu.

Tul l-intervista huwa semma kif il-Grupp Parlamentari qed jiltaqa’ għal ġurnata sħiħa biex jiddiskuti l-politika inkluż liġijiet li qed jiġu diskussi fil-Parlament.

Intant, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija dwar laqgħa li s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli għamel mal-membri tal-Kumitat Sezzjonali tal-PN. Puli kien ikwotat iħeġġeġ lil dawk preżenti biex jingħaqdu mas-soċjetà ċivili u mal-Partit Nazzjonalista fil-protesta li se ssir fil-Belt Valletta llum fis-7pm kontra l-korruzzjoni.

Waqt l-istess laqgħa saret ukoll diskussjoni dwar il-proċess elettorali. Il-laqgħa kienet indirizzata wkoll minn Angelito Sciberras, Direttur tal-Uffiċċju Elettorali ELCOM u l-Kordinatur Politiku Amanda Abela.