M’hemmx ċertezza dwar trasport b’xejn għall-iskejjel mhux tal-Gvern

Jidher li m’hemmx ċertezza dwar it-trasport b’xejn għall-istudenti tal-iskejjel indipendenti u tal-Knisja wara li l-Ministeru tal-Edukazzjoni ħabbar li ma jistax jaqdi lill-istudenti tal-iskejjel privati u tal-Knisja “għal raġunijiet differenti” li ma speċifikax x’inhuma.

Fi stqarrija, il-Ministeru qal li d-domanda għal trasport b’xejn minn u għal dawn l-iskejjel żdiedet sew, iżda għadu ma jistax jaqdihom. Huwa insista li l-loġistika għal dan it-trasport qatt ma kienet responsabbiltà tiegħu, u sal-lum, għadha mhijiex.

Skont l-istqarrija, sal-bieraħ, it-total ta’ operaturi tat-trasport għal dawn l-iskejjel żdied għal 57, u ħeġġeġ biex min hu interessat, japplika wkoll. Qal ukoll li hemm 95 każ ta’ ġenituri ta’ tfal li jattendu skejjel indipendenti, li wrew l-interess tagħhom permezz tas-sit li nieda l-Ministeru, schooltransport.edu.mt, u 887 każ ta’ ġenituri ta’ tfal li jattendu skejjel tal-Knisja.

Dan wara li l-Gvern wiegħed trasport b’xejn għall-istudenti tal-iskejjel kollha aktar kmieni dan ix-xahar. 

Min-naħa l-oħra, għall-iskejjel tal-istat, il-Ministeru għandu ftehim ma’ 8 operaturi biex iġorr 1,500 student aktar mit-12,500 student tas-sena l-oħra. Il-Ministeru qal li sa nhar it-Tlieta li għadda, 14,000 ġenitur kien ingħata d-dettalji dwar il-ġbir tat-tfal.