M’hemmx bżonn tavża lill-Awtorità tad-Djar li se tnaqqas il-prezz tal-kirja

L-Awtorità tad-Djar avżat lill-pubbliku li m’hemmx bżonn li tirċievi notifika jekk f’dan il-perjodu jkun hemm sidien tal-kera li lesti jnaqqsu l-prezz tal-kirja.

FI stqarrija, l-awtorità spjegat li rċeviet numru ta’ talbiet minn sidien li jixtiequ jnaqqsu l-kirja lill-inkwilin matul iż-żmien fejn il-pajjiż jinsab f’inċertezza minħabba l-imxija tal-COVID-19.

L-awtorità infurmat lill-pubbliku li jekk l-ammont ta’ kirja li ġie ddikjarat fir-reġistrazzjoni tal-kuntratt mal-Awtorità tad-Djar jitnaqqas matul dan il-perjodu temporanju, m’hemmx bżonn li tinbidel ir-reġistrazzjoni tal-kuntratt. L-Awtorità tad-Djar avżat iżda li f’każ ta’ terminazzjoni ta’ kirja hi għandha tiġi avżata b’mod immedjat. Qalet li dan ma jgħoddx fejn hemm qbil kunsenswali bejn il-partijiet dwar l-ammont tal-kirja.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, qal li, “fejn hemm arranġamenti temporanji dwar tnaqqis ta’ kirja relatati mas-sitwazzjoni preżenti, l-Awtorità m’għandhiex għalfejn tiġi notifikata. L-għan tagħna bħala regolatur hu li dejjem niffaċilitaw ir-relazzjoni bejn is-sid u l-inkwilin b’tali mod li filwaqt li l-inkwilin ikollu dritt ta’ akkomodazzjoni xierqa, is-sid ikollu dħul ġust għall-investiment tiegħu”.

Intant, ir-reġistrazzjoni ta’ kuntratti ta’ kirjiet ġodda jistgħu jibqgħu jiġu rreġistrati fuq rentregistration.gov.mt. Għal aktar informazzjoni, jista’ jsir kuntatt mal-Awtorità tad-Djar fuq 22 991 010, permezz tal-email fuq rentregistration.ha@ha.gov.mt jew billi tibgħat messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook, Rent Registration Malta.

Il-pubbliku diġà kien ġie infurmat li l-miżata ta’ reġistrazzjoni tal-kuntratti tard mhix qed tiġi applikata, filwaqt li qed jingħata benefiċċju tal-kera aġġustat, b’mod immedjat, għall-familji li jispiċċaw mingħajr impjieg minħabba xi ċirkustanza relatata mal-COVID-19 u/jew aġġustamenti tal-istess benefiċċju għal persuni li jesperjenzaw vjolenza domestika.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn