“M’hemmx bżonn permess biex jitnaddaf il-Qbajjar” – ERA

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi sostniet li m’hemmx bżonn li wieħed ikollu permess sabiex il-bajja tal-Qbajjar tiġi mnaddfa, dan sakemm l-attività ma tikkonċernax il-baħar tal-madwar.

Dan qalitu b’risposta għall-mistoqsijiet mibgħuta minn Newsbook.com.mt wara li xi ġimgħat ilu l-bajja tal-Qbajjar f’Għawdex sfat iddekorata b’gaffa wara li l-alka ma tneħħietx tul sajf sħiħ.

Meta mistoqsija dwar il-perjodu meta għandhom jitnaddfu l-bajjiet, l-ERA sostniet li hemm biss selezzjoni ta’ bajjiet li huma kkundizzjonati biex jiġu mnaddfa f’perjodu speċifiku matul is-sena. Dawn huma bajjiet li jridu jiġu mħarsa skont ir-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali u dawk imsemmija fl-Operating Procedures on Beach Cleaning li ħarġet l-ERA.

Għaldaqstant, l-ERA sostniet li m’hijiex l-Awtorità li tiddeċiedi l-ġurnata meta titnaddaf din il-bajja u ssuġġeriet li l-mistoqsija tiġi mibgħuta lill-Ministeru għal Għawdex.

L-ERA ma weġbitx għaliex l-alka inġabret permezz ta’ gaffa u mhux manwalment.

Newsbook.com.mt kien ikkuntattja lill-Professur Alan Deidun, l-ambaxxatur Malti għall-oċeani, biex jistaqsi xi mistoqsijiet dwar l-alka. Hu kien sostna li “l-alka għandha titnaddaf, iżda mhux b’guffaġni; din tagħmel ħafna ħsara lill-bajja, għax jibda jittiekel ukoll ir-ramel ta’ taħtha. Din ukoll twaqqaf lin-nies milli jgħumu.”