Il-Partit Demokratiku (PD) qal li m’hemmx bżonn konnessjoni permanenti biex tissolva l-kwistjoni tal-konnettività f’Għawdex.
Fi stqarrija, il-Kandidat għall-Parlament Ewropew tal-PD Martin Cauchi Inglott qal li l-partit irid pjan strutturat li jwassal għal kundizzjonijiet ekwi għall-Għawdxin.
Il-PD ħabbar li se jniedi l-politika tiegħu għal Għawdex fil-jiem li ġejjin. Insista li l-insularità ta’ Għawdex trid tiġi ttrattata b’mod kompletament differenti minn kif qed tiġi promossa mill-Ġvern bħalissa.
Il-PD qal li “stqarrijiet pubbliċi riċenti jindikaw li l-mina bejn Malta u Għawdex, kif proposta bħalissa, hija fatt kompjut.” Skont il-PD, ġaladarba l-Gvern għandu mandat elettorali għal konnessjoni permanenti bejn iż-żewġ gżejjer, hemm bżonn li jsiru l-istudji kollha fuq l-impatt ambjentali u kwistjonijiet teknoloġiċi. Il-PD staqsa jekk il-Gvern ħasibx f’xi teknoloġija differenti minn mina mħaffra, li ma jkollhomx impatt daqshekk negattiv fuq l-ambjent.
Il-kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-PD Camilla Appelgren qalet li n-nuqqas totali ta’ parteċipazzjoni pubblika fi proġett b’impatt daqstant qawwi fuq Għawdex huwa inkredibbli.
Il-PD staqsa għaliex il-mina proposta ġiet indikata għall-użu tal-karozzi flok xi forma oħra ta’ trasportazzjoni tal-massa li tista’ tkun integrata f’network aktar wiesa’ f’Malta.