M’hemmx bżonn li tittieħed iktar art agrikola biex it-toroq ikunu siguri – ROTA

Read in English.

L-għaqda mhux governattiva ROTA saħqet li Infrastructure Malta qiegħda tieħu vantaġġ mill-karreġġjata dedikata għaċ-ċiklisti biex tieħu iktar art u twessa’ t-toroq mingħajr ma tikkonsidra l-vera bżonnijiet taċ-ċiklisti.

F’infografika li ġiet ippreżentata mill-grupp ġie spjegat li m’hemmx bżonn li tittieħed iktar art biex it-triq tkun sigura. Spjegaw li l-infrastruttura tat-toroq għandha tkun waħda sigura u konvenjenti għaċ-ċiklisti u dak li ġie ppjanat minn Infrastructure Malta ma jilħaqx dawn il-miri.

ROTA infographic

Il-grupp qal dan f’reazzjoni għal dak li qalet Infrastructure Malta li hemm bżonn iktar art sabiex tkun tista’ ssir karreġġjata għaċ-ċiklisti kif ukoll għall-mixi fl-istess Bypass. Infrastructure Malta qalet li f’din il-Bypass m’hemmx faċilità ta’ trasport alternattiv.

F’Diċembru li għadda r-residenti ta’ Ħal Qormi flimkien mal-bdiewa u l-Moviment Graffitti żvelaw li Infrastructure Malta qiegħda tippjana li tibni flyover fuq art agrikola.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi għadda mozzjoni biex jipproteġi din l-art. Il-Kunsill qal li jekk iseħħ dan il-proġett jista’ jwassal biex ikun hemm problema ta’ għargħar.