“M’hemmx bżonn inkjesta oħra dwar l-assassinju ta’ Daphne” – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li m’hemmx bżonn ta’ inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Meta kien qed iwieġeb domandi li sarulu mill-aġenzija tal-aħbarijiet BBC, dwar it-talba li saret mill-familja tal-ġurnalista, Dr Muscat stqarr li ma jafx din tistax tkun aħjar minn dak li qed isir.

Muscat qal li mhux ċert x’riedu jfissru b’inkjesta pubblika, iżda spjega li jekk dan ifisser inkjesta politika fil-Parlament, dan mhux possibbli qabel ma jitlesta l-proċess mill-Qorti. Huwa saħaq li jekk dan isir, il-Parlament ikun qed jikkomprometti l-proċeduri fil-Qorti.

L-avukat tal-familja Caruana Galizia, Tony Murphy, qal li l-inkjesta mitluba tikkonsisti fl-ogħla membri tal-ġudikatura kif ukoll ġurija barranija. Huwa saħaq li l-għan tal-inkjesta kif inhu huwa wisq speċifiku biex isir magħruf min kien il-moħħ wara l-assassinju. L-avukat irrefera għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li titlob investigazzjoni mill-iktar fis possibbli. Saħaq li wara sena għadu mhux magħruf min ikkummissjona l-assassinju, jekk dan setax ġie evitat, jew jekk kienx hemm kompliċità bejn l-istat u dawk wara l-assassinju.

Muscat saħaq li l-familja ta’ Caruana Galizia qalet li kellha l-kunfidenza fil-Maġistrat, filwaqt li fakkar li dwar il-każ ġew arrestati tliet persuni. Sostna li l-investigaturi għandhom jingħatu l-ispazju biex jaħdmu.

L-avukat sostna li huma se jkunu qed jindirizzaw laqgħa tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-inkjesta pubblika u qal li l-Prim Ministru qed jevita milli jwieġeb mistoqsijiet kruċjali “għax ħadd mhu qed jinvestiga jekk il-mewt ta’ Caruana Galizia setgħetx ġiet evitata”.