M’hemmx bażi biex ninvestiga s-self ta’ Schembri – Hyzler

M’hemmx bażi biex jiġi investigat s-self taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri skont il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler. Hyzler qal li dan għaliex fost affarijiet oħra s-self sar qabel ma twaqqaf l-uffiċċju tiegħu.

Hyzler qal dan f’imejl lill-kandidat indipendenti Arnold Cassola. Oriġinarjament, Cassola talab lil Hyzler biex jinvestiga lil Schembri tas-self tiegħu ta’  €1.5 miljun lill-Progress Press. Iddeskriva s-self bħala theddida għad-demokrazija. Progress Press hija kumpanija sussidjarja tal-Allied Group. Allied Newspapers, kumpanija fi ħdan dan il-grupp, tippubblika l-gazzetta Times of Malta.

F’imejl li Newsbook.com.mt għandu kopja tagħha, Hyzler qal li skont dak li ġie rrappurtat Schembri qal li fl-2012 Kasco Limited tat b’self jew xi forma ta’ finanzjament, lill-Progress Press Co Ltd is-somma ta’ €1.5 miljun.

Hyzler qal li Schembri huwa suġġett għall-Kodiċi tal-Etika peress li huwa persuna ta’ fiduċja (person of trust). Skont Cassola, il-Kodiċi ta’ Etika ma jippermettix li jista’ jsir self ta’ natura kummerċjali minn min huwa sottomess għall-kodiċi.

Dwar dan, Hyzler qal li l-parti relevanti mill-kodiċi hija paragrafu 10 li jgħid li impjegati pubbliċi għandhom jaraw li ma jkollomx kunflitt bejn id-dmirijiet uffiċjali tagħhom u l-interessi finanzjarji tagħhom.

Hyzler qal li Kasco Ltd tat self lill-Progress Press fl-2012 u li dan kien qabel ma Keith Schembri, li kien direttur tal-kumpanija, sar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru jew Persuna ta’ Fiduċja.

Hyzler jemmen li huwa nuqqas fil-liġi li persuni ta’ fiduċja m’għandhomx għalfejn jagħtlu dikjarazzjoni tal-assi bħal ma jagħmlu l-ministri. Qal li huwa tajjeb li Schembri ddikkjara li kien sar “dan il-finanzjament lill-akbar media house privata” f’Malta.

Hyzler qal li għamel riċerka mal-Malta Business Registry. Sab li Schembri rreżenja minn direttur ta’ Kasco Ltd fil-15 ta’ Marzu 2013. Però qal li baqa’ bħala s-sid benefiċċjarju aħħari (ultimate beneficial owner).

Hyzler qal ukoll li ma jistax jinvestiga affarijiet li jkunu ġraw qabel it-30 ta’ Ottubru 2018, li hija d-data meta l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika daħal fis-seħħ. Qal li m’hemmx bażi biex jiftaħ investigazzoni dwar il-każ.

Cassola qal li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) qalet li s-self ta’ Schembri lil Progress Press huwa aċċettabli għax kien “one time loan”. Fi kliem Cassola, s-self ta’ Schembri ta’ €100,000 lil Brian Tonna ta’ Nexia BT huwa irregolari għax kien “second time loan”. Qal ukoll li dan is-self huwa rregolari għax ingħata wara li Schembri sar persuna ta’ fiduċja.