M’hemmx alternattiva għall-Gvern – Vincent Marmara

Read in English.

Dr Vincent Marmara, espert tal-istatistika qal ma’ Newsbook.com.mt li minn survey li għadu kif għamel, joħroġ li l-poplu mhux qed jara alternattiva għall-Gvern preżenti. Iżda f’dan is-survey staqsa wkoll dwar kemm in-nies jafdaw lill-mexxejja politiċi partikolari. Qal li d-distakk bejn Joseph Muscat u Adrian Delia għadu sinifikanti.

Fl-istess waqt kompla jgħid illi s-survey huwa ritratt tas-sitwazzjoni preżenti u li l-affarijiet jistgħu jinbidlu. Qal ukoll li d-deċiżjonijiet politiċi ma għandhomx jittieħdu fuq in-numri biss.

Is-survey sar bejn l-Erbgħa u l-Ġimgħa ta’ din il-ġimgħa.

Sitwazzjoni straordinarja

Dr Marmara qal li s-survey sar f’dak li huwa ddeskriva bħala “sitwazzjoni straordinarja…fl-aktar żmien diffiċli tal-Gvern u tal-Partit Laburista f’dawn l-aħħar snin”.

Is-survey, li riżultat tiegħu se jkun ippubblikat il-Ħadd, ħares lejn diversi temi intenzjonati li juru eżattament in-nies x’jaħsbu bħalissa.

Dr Marmara saħaq ma’ Newsbook.com.mt li naturalment dan, bħal kull survey ieħor, huwa ritratt tas-sitwazzjoni preżenti u li l-affarijiet jistgħu jinbidlu kemm jekk ikun hemm fatti ġodda, kif ukoll skont kif se tiżviluppa s-sitwazzjoni politika kollha.

F’post fuq Facebook huwa wieġeb għall-mistoqsija jekk dan hux iż-żmien opportun biex wieħed jagħmel survey.

Huwa qal li mhuwiex iż-żmien opportun biex wieħed jifhem x’jista’ jkun ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali li jmiss fl-2022, minħabba li l-affarijiet u s-sitwazzjonijiet jistgħu jinbidlu.