“M’hemm xejn minn xiex tistħi” – Il-President fuq is-saħħa mentali fil-pandemija

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-President George Vella qal li l-pandemija tal-COVID-19 ħalliet impatt fuq is-saħħa mentali tal-populazzjoni kollha. Hu ħeġġeġ lin-nies affettwati biex ma joqogħdux lura u jfittxu l-għajnuna.

Meta kien qed jindirizza l-Konferenza Annwali tal-Fondazzjoni Richmond, il-President Vella enfasizza l-ħtieġa li jiġi miġġieled l-impatt tal-COVID-19 fuq is-saħħa mentali.

“M’hemm xejn minn xiex tistħi. M’hemm xejn x’taħbi. M’hemm xejn li għandu jġiegħlek tħossok inferjuri. Aħna kollha differenti u kulħadd għandu limitu differenti fejn il-moħħ ma jibqax jiflaħ aktar. Qatt m’għandna ningħalqu fina nfusna. Huwa importanti ħafna li nfittxu attenzjoni, gwida u parir professjonali malajr kemm jista’ jkun u minn persuna kkwalifikata biex nevitaw li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar,” qal il-President.

Il-konferenza tar-Richmond Foundation saret online u esplorat l-impatt tal-miżuri soċjali u ekonomiċi fuq is-saħħa mentali fi gruppi differenti f’Malta.

“M’hemm l-ebda parti tal-popolazzjoni li ma ġietx affettwata, direttament jew indirettament, sal-punt li kellha tħassib, biża’, ansjetà, tensjoni, fobiji, dipressjoni, u mġiba kompulsiva ossessiva,” qal il-President.

Filwaqt li faħħar lill-awtoritajiet tas-saħħa għall-gwida tagħhom permezz tal-aħjar prattiki u l-appelli kontinwi biex ma tibqax tinfirex l-infezzjoni, il-President esprima l-apprezzament tiegħu għal dawk kollha li jsegwu l-istruzzjonijiet u b’hekk qegħdin jikkontribwixxu għall-isforz kollettiv biex nillimitaw l-imxija. Hu widdeb lil dawk li mhumiex jieħdu l-miżuri neċessarji ta’ prekawzjoni minħabba traskuraġni, għeja bis-sitwazzjoni tal-COVID-19 jew fatturi oħra.

“L-akbar tama tagħna hija li jkollna, nittamaw li mhux tant ‘il bogħod, vaċċin effettiv u ttestjat li jwassal għal immunità fit-tul. Dan jista’ jkun ftit xhur oħra”, qal il-President. “Għallinqas hemm raġġ ta’ tama. Irridu nżommu sod f’dawn ix-xhur li ġejjin u nkunu pożittivi,” kompla jgħid George Vella.

Huwa qal li fit-tmien xhur li matulu l-virus qaleb kollox ta’ taħt fuq, dan affettwa l-mod kif wieħed jgħix, id-drawwiet, l-ekonomija, u t-tradizzjonijiet tal-familja Maltin.

Il-President faħħar ukoll lill-frontliners, u rrimarka li l-aktar parti diffiċli tax-xogħol tagħhom mhix l-aspett fiżiku, iżda li jridu jxammru l-kmiem minkejja r-riskju tal-mewt u jagħmlu dak kollu li tippermetti x-xjenza medika biex isalvaw lil dawk kollha qrib ħalq il-mewt.

Iltqajna ma’ problemi ta’ ansjetà, dipressjoni u ossessjonijiet – Richmond

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ Richmond, Stephania Dimech Sant, qalet li l-Fondazzjoni Richmond rat żieda sostanzjali fit-talbiet għall-għajnuna fix-xhur tal-pandemija. Dawn waslu kemm mill-pubbliku, iżda wkoll minn ħaddiema u mgħallmin li kienu mħassbin dwar is-saħħa mentali tal-ħaddiema tagħhom, kif ukoll kif kien se jirnexxilhom ikomplu jmexxu bil-ħaddiema jaħdmu mid-dar.

Is-servizz tat-telefown ta’ Richmond mit-13 ta’ Marzu ‘l hawn sar 24 siegħa kuljum, b’dawk li jitolbu għajnuna jistqarru li għandhom problemi ta’ ansjetà, dipressjoni kif ukoll ossessjonijiet. Hi qalet li persuni li fil-passat kien ħarġu minn problemi ta’ saħħa mentali, tul il-perjodu tal-Covid-19, spiċċaw reġgħu ġarrbuhom.

Hi qalet li din il-konferenza hija opportunità fejn il-pubbliku jingħata pariri mill-professjonisti dwar kif joħroġ minn din is-sitwazzjoni diffiċli li kulħadd jinsab fiha. Hija qalet żgur li dan iż-żmien diffiċli se jħallu marka fuq l-individwi.