M’hemm l-ebda skuża għall-pajjiżi li jonqsu fl-intraċċar tal-kuntatti – WHO

Read in English.

Il-kap tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa nhar it-Tnejn qal li m’hemm l-ebda skuża għal dawk il-pajjiżi li qed jonqsu milli jintraċċaw il-kuntatti ta’ persuni morda bl-infezzjoni tal-coronavirus, u sostna li dan huwa l-aktar pass importanti fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19.

“Għalkemm diversi pajjiżi għamlu progress, globalment il-pandemija qed tkompli tikber b’rata mgħaġġla,” qal Tedros Adhanom Ghebreyesus matul konferenza ta’ informazzjoni.

“Kulħadd irid li dan il-perjodu jgħaddi. Ilkoll irridu nkomplu ngħixu ħajjitna. Imma r-realtà hi li għadna l-bogħod milli nikkonkludu din il-fażi,” kompla jgħid. “Bosta persuni għadhom suxxettibbli, il-virus għad baqalu ħafna fejn imur.”

Pajjiżi bħall-Korea t’Isfel kien irnexxielhom iwaqqfu l-firxa tal-marda bis-saħħa tal-intraċċar ta’ dawk li ġew f’kuntatt ma’ persuni li għandhom l-infezzjoni, qal Tedros. Dan huwa possibbli anke f’kundizzjonijiet estremi, kif uriet id-WHO stess meta twaqqfet l-imxija tal-Ebola fil-lvant tal-Congo, fejn kienu jiġu ntraċċati 25,000 kuntatt kuljum f’żona remota fejn kien hemm ġlied bejn madwar 20 grupp armat, żied jgħid.

“M’hemm l-ebda skuża biex ma jsirx l-intraċċar tal-kuntatti. Jekk hawn xi pajjiż qed jgħid li dan huwa diffiċli, din hija biss skuża.”

TIM BIEX JINVESTIGA L-ORIĠINI FIĊ-ĊINA

Tedros ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla se jintbagħat tim fiċ-Ċina biex jinvestiga l-oriġini tal-pandemija, mossa li l-Istati Uniti, l-akbar kritika tad-WHO, ilha titlob biex issir. 

“Meta nkunu nafu kollox dwar il-virus, inkluż l-oriġini tiegħu, inkunu f’pożizzjoni aħjar biex niġġielduh,” qal Tedros. “Għalhekk se nibagħtu tim iċ-Ċina l-ġimgħa d-dieħla biex inħejju għal dan.”

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u s-Segretarju tal-Istat Mike Pompeo t-tnejn qalu li l-marda setgħet żviluppat minn laboratorju f’Wuhan, għalkemm ma taw l-ebda evidenza ta’ dan, fatt miċħud miċ-Ċina. Ix-xjentisti jgħidu li l-virus żviluppa fin-natura.

Trump ħabbar pjanijiet li pajjiżu joħroġ mid-WHO, fost akkużi li l-organizzazzjoni hija qrib wisq taċ-Ċina. Huwa enfasizza diversi drabi l-oriġini Ċiniżi tal-virus, billi sejħu “Kung Flu” matul żewġ manifestazzjonijiet politiċi dan ix-xahar, terminu kkundannat mill-White House bħala wieħed mhux aċċettabbli, u li gruppi Asjatiko-Amerikani jgħidu li huwa terminu razzist.

Meta ġie mistoqsi dwar l-użu tat-terminu minn Trump, id-direttur tal-programm ta’ emerġenzi tad-WHO, Mike Ryan, sejjaħ għal “djalogu internazzjonali li huwa bbażat fuq ir-rispett reċiproku.”

“Diversi persuni madwar id-dinja użaw lingwaġġ mhux xieraq f’din is-sitwazzjoni,” żied jgħid.

Ryan qal li kien sar progress kbir biex jinsab vaċċin, imma li m’hemm l-ebda garanzija ta’ suċċess. Intant il-pajjiżi għandhom jużaw l-istrateġiji disponibbli, bħal distanza soċjali u ntraċċar tal-kuntatti.

“Ħafna, ħafna pajjiżi applikaw strateġija komprensiva biex b’hekk kisbu livelli tassew baxxi ta’ trasmissjoni tal-virus fil-pajjiżi tagħhom, iżda kollha għandhom jibqgħu attenti f’każ ta’ gruppi ġodda jew tifqigħat żgħar tal-marda.”