M’hemm l-ebda siġġu tal-kastig fil-ħabs; intuża darba biss – Il-Ministru

ħabs kordin
Facebook: Malta Correctional Services Agency

Read in English.

Filwaqt li l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri xejjen rapporti li fil-ħabs jeżisti siġġu tal-kastiġ li fuqu jintrabtu l-priġunieri, xi kultant għarwenin u xi kultant b’xi investa f’rashom, fl-istess ħin ikkonferma li dan is-siġġu ntuża darba biss fuq parir tat-tabib.

Mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami biex jikkonferma jew jiċħad storja li dehret il-Ħadd li għadda, il-Ministru qal li ma jeżisti l-ebda siġġu li miegħu jintrabtu priġunieri għarwenin, iżda fl-istess nifs qal li kien hemm każ wieħed li priġunier li kien aggressiv, u biex ma jweġġax lilu nnifsu, ġie marbut ma’ siġġu, fuq parir tat-tabib tal-ħabs stess.

Huwa qal li fil-ħabs illum hemm rekord ta’ 900 priġunier u allura s-sitwazzjoni mhix waħda faċli.

300 priġunier Malti minn 900

F’battibekk, Fenech Adami qal li l-Ministru qed jikkonferma li fil-ħabs jeżisti dan is-siġġu tal-kastiġ li jfakkarna fil-ħabsijiet tal-Amerka t’Isfel tas-snin 70.

Camilleri rribatta u qal li dan mhux minnu. Saħaq li l-persuna ntrabtet darba biss fuq parir tat-tabib. Huwa qal li mis-snin 50 sal-2010 daħlu 5,000 persuna differenti u llum hemm 900 priġunier, li minnhom 300 huma Maltin.