Aġġornata: Id-direttivi tal-MUMN ġew sospiżi wara ftehim mal-Gvern

Il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qalet li se tissospendi d-direttivi kollha li kienu ppjanati għal għada.
F'komunikazzjoni interna, l-Unjin qalet li wara laqgħa li kellha mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, ġie aċċettat li se jkomplu d-diskussjonijiet dwar l-iskema tal-irtirar bikri. Kompliet tgħid li nhar il-Ħamis, l-MUMN se tkun qed tiddiskuti mal-Gvern iż-żieda fl-allowances u n-nursing premium.
Il-Gvern jikkonferma li ntlaħaq qbil
Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li ntlaħaq qbil mal-MUMN dwar kif se jkomplu n-negozjati għall-ftehim settorjali.
Aktar kmieni illum
Aktar kmieni illum, il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) kienet qalet li l-maniġers tal-ħaddiema qed iċemplu biex jagħtuhom ordnijiet li jekk dawn jiddeċiedu jobdu d-direttivi tal-unjin, ikun hemm konsegwenzi.
F'komunikazzjoni interna l-MUMN spjegat li l-management qed iċemplu fuq il-post tax-xogħol tal-infermiera biex jgħidulhom li jekk dawn jagħżlu li jsegwu d-direttivi tal-unjin, ma jkunux jistgħu jaħdmu bis-sahra, jagħmlu change of duties, jew jagħmlu użu mit-Time Off in Lieu (TOIL).
L-MUMN iddeskriviet din il-manuvra bħala waħda li timmira biex ma jintlaħqux l-objettivi tagħha. Saħqet li l-infermiera u l-qwiebel ħaqqhom Ftehim Settorjali ġdid u aktar rispett.
L-MUMN saħqet li l-ħaddiema tagħha jaħdmu kuljum minkejja kull diffikultà li tinqala’, fosthom il-problema komuni tan-nuqqas ta’ staff. Qalet li jidher li s-sagrifiċċji tal-infermiera u l-qwiebel mhux qed jiġu apprezzati biżżejjed.
L-MUMN għamlitha ċara li mhux se jibżgħu minn dawn it-tip ta’ manuvri u appellat għall-għaqda fost il-membri biex dawn jobdu l-istruzzjonijiet tagħha.
Fil-komunikazzjoni interna, l-MUMN temmet tgħid li llum wara nofsinhar se jkollha laqgħa mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u eżatt wara din il-laqgħa, il-membri tal-Unjin se jiġu infurmati dwar jekk intlaħaqx ftehim jew le. Fil-każ li l-MUMN tirċievi aħbar fin-negattiv, din qalet li d-direttivi tagħha jidħlu fis-seħħ għada mis-7am.
L-MUMN kienet spjegat li l-Ftehim Settorjali huwa maqsum fi tlieta:
1.       Ċaqliq fl-iskali
2.       Żieda fl-allowances u punti oħra
3.       Skema ta’ irtirar kmieni wara 25 sena servizz 
Il-Unjin spjegat li punt ieħor akkwistat kien l-Qafas Speċjalista, ħidma li fuqu kienet saret mill-Kunsill l-ieħor.
Ġimgħa ilu, l-MUMN kienet qalet li ““ma hemm l-ebda rieda tajba min-naħa tal-Gvern” fejn jidħlu n-negozjati.