“M’hawnx bżonn aktar minn 30 pompa tal-petrol f’Malta” – PD

Il-Partit Demokratiku sostna li wara riċerka li għamel, skont il-kundizzjonijiet imposti mill-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Malta m’għandiex bżonn aktar minn 30 pompa tal-petrol.
Fi stqarrija, il-partit tal-oranġjo sostna li minn dejjem għamel pressjoni sabiex il-politika dwar il-Pompi tal-Petrol tal-2016 tinbidel u fakkar li fl-2017 kien kiteb lill-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent u l-Iżvilupp sabiex il-politika tiġi miktuba mill-ġdid u titressaq għad-diskussjoni.
Minkejja li t-talba ntlaqat, il-partit sosta li l-Kumitat għadu jsitenna r-rapport tal-ERA biex il-proċess jitkompla.
Sadanittant, il-PD talab sabiex jitwaqqaf il-proċess kollu ta’ kull applikazzjoni sakemm tinbidel din il-politika. Xi ħaġa li sostna li l-PA għamlet fil-passat, liema talba qalu li ġiet irrifjutata mill-Kap Eżekuttiv.
Filwaqt li l-PD jifhem li f’suq ħieles Ewropew, wieħed irid jipproċessa l-permessi skont it-talba, sostna li skont sentenza maqtugħa mill-Qorti tal-Ewropa hemm l-opportunità li ċertu restrizzjonijiet jiġu imposti minħabba sigurtà fit-toroq u protezzjoni tal-Ambjent. Xi ħaġa li qed jgħidu li l-Gvern Malti qed jonqos milli jagħmel.
Fl-istess stqarrija, il-PD irrimarka li kemm il-Partit Laburista, kif ukoll dak Nazzjonalista qed jivvutaw favur il-ħruġ ta’ dawn il-permessi skont min japplika għalihom u mhux b’mod li jħarsu s-sostenn ambjentali tal-Gżejjer Maltin.
Ilbieraħ, sorsi kkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li r-rapport dwar il-pompi tal-petrol li kien intalab lill-ERA mill-Ministru għall-Ambjent, José Herrera f’Jannar li għadda, tlesta fi ħmistax u ntbagħat lill-Ministeru fil-bidu ta’ Frar li għadda.