MH370: Qraba tal-passiġġieri jmorru Kuala Lampur biex jiksbu risposti

Hekk kif tidħol fir-raba’ ġimgħa tagħha s-saga tat-titjira MH370, qraba tal-passiġġieri Ċiniżi siefru lejn Kuala Lampur bit-tama li jiksbu risposti mill-awtoritajiet tal-Malasja.
Hu rrappurtat li l-familjari u l-qraba ta’ dawk abbord it-titjira ma ngħatawx informazzjoni biżżejjed u jridu jiltaqgħu wiċċ imb’wiċċ mal-Prim Ministru u l-Ministru tat-Trasport tal-Malasja.
It-tfittxija fl-Oċean Indjan qed tkompli bit-tama li jinstabu l-fdalijiet tal-ajruplan tal-Malaysia Airlines.
Dan wara li permezz ta’ ritratti mis-satellita kien irrappurtat li deher xi debris.
It-titjira kienet ħalliet Kuala Lampur fit-8 ta’ Marzu li għadda b’239 persuna abbord.
Diversi qraba tal-153 passiġġier Ċiniż qed jirrifjutaw li jaċċettaw l-informazzjoni li qed tingħatalhom. Dawn qed jakkużaw l-awtoritajiet li qed jaħbu xi informazzjoni.