MH370: dikjarat uffiċjalment “inċident”

Il-Malasja ddikkjarat uffiċjalment l-għibien tal-ajruplan MH370 f’Marzu tas-sena l-oħra, bħala "inċident" li minnu ma salva ħadd wara li s’issa baqgħet ma nstabet ebda traċċa tal-ajruplan.
L-awtoritajiet tal-Gvern Malasjan qalu li t-tiftix għadu għaddej minkejja li ma ħareġ ebda ħjiel wara tfittxija internazzjonali fin-nofsinhar tal-Oċean Indjan.
Iżda d-dikjarazzjoni tal-lum tfisser li qraba tal-239 persuna abbord l-ajruplan, issa jistgħu jagħmlu talba għal kumpens.
Sadattant, mill-investigazzjonijiet dwar it-tiġrif tal-AirAsia xahar ilu, ħareġ li fil-ħin tal-inċident, l-ajruplan kien qed jinstaq mill-ko-pilota.
Din hi xi ħaġa meqjusa normali fl-avjazzjoni, spjegaw l-awtoritajiet, hekk kif qalu li dak li ħareġ mill-kaxxa s-sewda qed jagħti stampa mill-iktar ċara tal-aħħar mumenti tal-ajruplan qabel iġġarraf.
L-ajruplan tal-AirAsia tela’ kważi 10,000 metru fi 30 sekonda mbagħad reġa’ niżel fiż-żewġ minuti u nofs ta’ wara, ftit qabel ma baqax jidher iktar.