MH17: L-Olanda u l-Awstralja jridu jidħlu fis-sit fejn waqa’ l-ajruplan

Ministri mill-Olanda u l-Awstralja għaddejin b’negozjati ma’ uffiċjali Ukreni biex jintbgħatu pulizija fis-sit ikkontrollat mir-ribelli favur ir-Russja.
L-istess ribelli ġew akkużati li waqqgħu t-titjira tal-Malaysia Airlines MH17 .
Mill-298 passiġieri li sfaw mejta ġie kkonfermat li 193 minnhom huma Olandiżi filwaqt li 27 minnhom huma Awstraljani.
Il-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte stqarr li lest li jibgħat mal-40 pulizija mhux armati lejn l-Ukraina għal iktar investigazzjonijiet filwaqt li jġib lura l-vittmi Olandiżi.
Intant il-Prim Ministru Awstraljan Tony Abbot saħaq li mal-mitt pulizija huma lesti li jintbagħtu fuq is-sit. Abbot żied jgħid li l-għan ewlieni huwa li l-vittmi jirritornaw lura d-dar.
Il-ġlied fil-Lvant tal-Ukraina beda f’April li għadda u s’issa mietu aktar minn elf persuna.