M’għandux permess jersaq lejn familtu

qorti bla permess familja

Raġel ta’ 32 sena hu projbit milli jersaq lejn membri ta’ familtu hekk kif ġie imressaq il-qorti wara li ħoloq argument vjolenti mal-familja tiegħu stess. Ir-raġel, mill-Marsa stqarr li kien vjolenti ma missieru u ħuh ġewwa darhom f’żewġ każi differenti matul dawn l-aħħar jiem.

L-ewwel ġlieda seħħet nhar il-Ħadd li għadda u it-tieni nhar it-Tlieta li għadda, meta l-akkużat hedded li jwaddab ashtray tal-ħġieġ lejn ħuh u kisser set tat-televixin. Ir-raġel li għandu problema ta’ droga, kien akkużat ukoll li wettaq reat waqt li kien taħt ordni ta’ probation.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fir-rigward tal-missier u ħu l-akkużat, filwaqt li l-akkużat qed jinżamm taħt superviżjoni temporanja biex ikun żgurat li jkun qed jiġi segwit. L-akkużat kien ordnat biex ma jersaqx lejn il-familja tiegħu u lejn darhom.

Il-maġistrat talbet lill-akkużat biex jgħin lilu nnifsu hekk kif hi qalet li se tagħmel l-aħjar li tista’ biex tgħinu.