“M’għandix x’naqsam mat-talba biex nagħti €46,500 lura” – Rosianne Cutajar

Aġġornat 08:00 AM

Read in English.

Rosianne Cutajar qalet li m’għandhix x’taqsam mal-allegat talba għal flus lura. Dan rigward stejjer ippubblikati llum li jgħidu li Cutajar ħadet €46,500 f’miżata għal konvenju, imma l-propjetà mbagħad ma nbigħetx.

Hi qalet li kienet qed taġixxi “b’mod korrett, legalment, etikament u politikament” rigward is-senserija fil-bejgħ ta’ propjetà fl-Imdina lill-Yorgen Fenech. Yorgen Fenech huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Times of Malta u MaltaToday ppubblikaw stejjer fejn qed jgħidu li Cutajar ħadet €46,500 fi flus kontanti, u mbagħad ma ddikjarathomx lill-kabinett. Dawn bħala miżata tas-servizzi tagħha bħala sensar. Persuna viċin tagħha, Charlie Farrugia ‘it-Tikka’, ukoll ġie msemmi fir-rapporti li ħa €46,500 ukoll. Intant, skont ir-rapporti, sid il-propjetà qed ifittex il-flus lura wara li l-ftehim għall-bejgħ ma nżammx.

Ir-rapporti jgħidu li Fenech iffirma konvenju, u ħallas depożitu ta’ €300,000. Il-ftehim ġie ffirmat f’Mejju tal-2019, meta Fenech kien ġa magħruf bħala s-sid ta’ 17Black. Però, il-ftehim kellu jiġġedded numru ta’ drabi għax Fenech kellu bżonn iżjed ħin biex jikseb il-flus. Il-ftehim eventwalment spiċċa fix-xejn meta Fenech ġie arrestat.

“M’għandix x’naqsam ma’ din it-talba għal flus lura” – Cutajar

Cutajar sostniet fuq Facebook li m’għandhix x’taqsam ma’ din l-allegat talba għal flus lura. Hi qalet li jekk hemm min qed jitlob xi ħaġa lura, għandu jagħmel din it-talba lil min hu konċernat.

Hi ppubblikat ukoll ittra legali li bagħtet xahrejn ilu lil min allegatament għamel it-talba, li “tagħmilha ċara” li m’għandix x’taqsam.

L-ittra tgħid li qed tirrispondi għal ittra legali mibgħuta minn Joe Camilleri. L-ittra tispjega li l-klijent, Camilleri, għandu jiddiretta li qed jippretendi lil terzi oħra, jekk dejjem għandu raġun.

“Għażiż Kummissarju Hyzler, nitolbok tinvestiga” – Arnold Cassola

Il-kandidat independenti Arnold Cassola staqsa lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika biex jinvestiga l-każ. Hu staqsa wkoll biex jiġi investigat Edward Zammit Lewis, minħabba akkużi ta’ evażjoni fiskali fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa fl-2019.

Hu qal li s-sitwazzjoni ta’ Cutajar hija “ulterjorment aggravata” billi li l-flus mhux iddikjarati allegatament għamlithom bħala sensara ta’ Yorgen Fenech. Dan minkejja li kien ġa magħruf li huwa sid 17 Black.

“Il-PM irid jagħmel dmiru u jkeċċiha” – Repubblika

Repubblika qalet li l-Prim Ministru (PM) irid jagħmel dmiru u jkeċċiha.

L-għaqda qalet li tinsab ixxukjata bil-każ, u qalet li l-istat ta’ impunità kuljum joħroġ iżjed fil-beraħ. Żiedet li dawn huma ċ-ċirkustanzi li waslu għall-assassinju ta’ ġurnalista u sabiex Malta spiċċat f’ilsien id-dinja.

Tenniet li l-istituzzjonijiet mhux qed jiffunzjonaw, u li jekk il-PM ma jkeċċihiex, se jkun naqas mill-obbligu tiegħu lejn il-Maltin.