“M’għandix x’naqsam ma’ 17 Black u Macbridge” – Konrad Mizzi

Il-Ministru Konrad Mizzi kompla jsostni fil-Qorti li l-awdituri tan-Nexia BT qalulu li l-kumpaniji offshore 17 Black u Macbridge ma kellhom xejn x’jaqsmu miegħu.

Mizzi kien qed jiġi mistoqsi mill-avukat tad-difiża f’każ ta’ libell li kien fetaħ kontra l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Skont imejls li kienu nħarġu fil-pubbliku li jappartjenu għall-awdituri ta’ Nexia BT, il-kumpaniji bbażat f’Dubaj 17 Black u Macbridge kienu klijenti tal-kumpanija ta’ Mizzi fil-Panama, Hearnville Inc. L-imejls kienu jgħidu li mingħand Macbridge, Hearnville kienet iddaħħal €150,000 fix-xahar.

“L-ewwel darba li smajt bihom kien fil-blogg ta’ Daphne”

Mizzi sostna li l-ewwel darba li ra l-ismijiet tal-kumpaniji 17 Black u Macbridge kien fil-blogg ta’ Caruana Galizia qabel l-elezzjonijiet tal-2017. Hu spjega li kien kellem lil Brian Tonna tan-Nexia BT dwarhom u dan kien qallu li ma kellux għaliex jinkwieta għax dawn ma kellhom xejn x’jaqsmu miegħu.

Insista li fl-ebda ħin ma kien hemm pjanijiet li hu jirċievi l-ammont ta’ flus iddikjarati fl-imejl u rrimarka li għalxejn qed jiġi mistoqsi dwar imejl li ma kitibx hu.

Mistoqsi jafx min huma s-sidien tal-kumpaniji

Waqt l-interrogazzjoni tagħha, id-difiża ppersistiet billi tistaqsi jekk Mizzi jafx min huma s-sidien ta’ 17 Black u Macbridge. Din il-mistqosija ġiet oġġezzjonata mill-avukati ta’ Mizzi. Id-difiża staqsiet ukoll dwar il-Kumpanija Hearnville u rrimarka li l-Ministru fetaħ din il-kumpanija offshore propju ħamest ijiem wara l-elezzjoni ġenerali. Hu wieġeb jgħid li dan mhux veru u li akkwista l-kumpanija f’Ġunju tal-2015.

Mizzi sostna li akkwista l-kumpanija fil-Panama għal trust li fetaħ fi New Zealand, Roturua Trust, li sostna kien investiment tal-familja u spjega li kienet Nexia BT li qaltlu sabiex jiftaħ it-trust fi New Zealand minflok Malta.

Il-Maġistrat talab sabiex jixhed Karl Cini minn Nexia BT sabiex jkkonferma l-awtentiċita tad-dokumenti. Il-każ se jkompli jinstema fis-7 ta’ Marzu.