M’għandix x’inżid – AG dwar ir-rapport fuq l-FIAU wara l-kundanna tal-EBA

L-Avukat Ġenerali (AG) ta’ Malta Dr Peter Grech qal li m’għandux x’iżid fuq dak li qalet il-Financial Intelligence Unit (FIAU) bi tweġiba għall-kundanna iebsa li saritilha mill-European Banking Authority (EBA). Nhar l-Erbgħa l-EBA ikkundannat lill-aġenzija kontra l-ħasil tal-flus Maltija (FIAU) talli kisret id-direttiva tal-Unjoni Ewropea kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) qalet li l-FIAU naqset milli tagħmel superviżjoni effettiva fuq il-Bank Pilatus. 

Fl-istqarrija tagħha l-FIAU qalet li kienet diżappuntata bil-konklużjonijiet tal-awtorità Ewropea, u li kellha riżervi għal mod kif għamlet l-investigazzjoni tagħha. L-FIAU qalet li titkellem fiż-żmien opportun. Sallum, tliet ijiem wara l-kundanna tal-EBA, għall-Avukat Ġenerali li huwa ċ-ċermen tal-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU jidher li ma wasalx il-mument opportun, għax ma kellux kummenti xi jżid.

L-EBA hija l-aġenzija tal-UE li xogħolha huwa li timplimenta sett standard ta’ regoli biex tirregola s-servizzi bankarji fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt l-Avukat Ġenerali stqarr li l-pożizzjoni tad-Deputat Kummissarju Silvio Valletta fuq il-bord tal-FIAU m’għandix x’taqsam mad-deċiżjoni tal-Qorti li jitneħħa mill-inkjesta ta’ Daphne Caruana Galizia. Żied jgħid li hu ma għandu l-ebda kunflitt ta’ interess meta appella d-deċiżjoni fuq Silvio Valletta għax dak huwa xogħolu bħala Avukat Ġenerali. Insista li “l-każ huwa dwar it-tmexxija ta ‘investigazzjoni u m’għandha x’taqsam xejn mal-pożizzjoni ta’ Valletta fuq il-bord FIAU”.