“M’għandix setgħa nneħħi lill-Prim Ministru” – Il-President

Luke Zerafa

Read in English.

Il-President George Vella qal li huwa m’għandux setgħa jneħħi lill-Prim Ministru Joseph Muscat mill-kariga, ladarba dan igawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati.

Dan qalu wara laqgħa urġenti li kellu mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Delia lbieraħ appella lill-President sabiex jaġixxi skont Artikli tal-Kostituzzjoni fir-rigward tal-Prim Ministru.

L-Uffiċċju tal-President tenna li l-President s’issa aġixxa u għamel dak kollu li seta’ fil-parametri tal-fakultajiet li tagħtih il-Kostituzzjoni, kemm fuq bażi legali, kif ukoll dik morali. L-Uffiċċju tal-President qal li kiseb pariri legali u ddikjara li l-Artikli tal-Kostituzzjoni msemmija mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Artiklu 80, 81 (1) u 85, imkien ma jagħtu lill-President xi setgħat legali, Kostituzzjonali jew Eżekuttivi, li jneħħi lill-Prim Ministru mill-kariga sakemm dak ikollu l-fiduċja tal-maġġoranza tal-MPs.