“M’għandix kliem biex niddeskrivi din it-telfa” – Oħt l-10 vittma tal-coronavirus

Godfrey Ellul ħareġ mill-ħabs ftit xhur ilu

Read in English.

Betta Ellul, oħt Godfrey Ellul, l-10 vittma tal-coronavirus f’Malta, qalet li m’għandhiex kliem biex tiddeskrivi t-telfa tagħha. Sostniet li saret inġustizzja ma’ ħuha li sa ftit xhur ilu, kien għadu qed jiskonta sentenza ta’ priġunerija fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Nhar il-Ġimgħa li għadda tħabbret l-10 mewta bil-coronavirus fil-pajjiż. Il-vittma kien Godfrey Ellul, raġel ta’ 72 sena li kien weħel 20 sena ħabs fl-2002 minħabba li kien inqabad bil-kokaina u bl-eroina li deher li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Meta kien il-ħabs, Godfrey marad bil-kanċer fil-kliewi. Times of Malta tirrapporta li fl-2016, it-talba tiegħu għall-parole ġiet miċħuda minkejja l-battalja li kien qed jiġġieled kontra l-kanċer. Il-ġurnal jgħid li dak iż-żmien, Ellul bilkemm seta’ joħroġ miċ-ċella u kien iqatta’ l-ġranet jistrieħ fis-sodda.

Oħtu Betta kienet għamlet appell pubbliku għall-kompassjoni lejn ħuha.

L-aħbar tal-mewt ta’ Godfrey Ellul
Imut anzjan pożittiv għall-coronavirus

Issa li tilef il-ġlieda kontra l-coronavirus, hija esprimiet ir-rabja tagħha fuq il-midja soċjali. Ħuha kien wieħed mill-31 każ li nstabu fl-14 t’Awwissu wara li ħa l-coronavirus mill-komunità. Fis-16 t’Awwissu, fuq Facebook, Betta kitbet kemm hi rrabjata dwar in-nuqqas ta’ azzjoni li qed tittieħed fuq iż-żieda drastika fil-każijiet. Wara l-mewt ta’ ħuha, żiedet kumment li qajla kienet tobsor li ftit tal-jiem wara, ħuha kellu jitlef ħajtu b’dan il-virus. Qalet li issa tinsab ferm aktar irrabjata.

Wara dak kollu li għadda minnu, qalet oħt Godfrey Ellul, l-inġustizzja li saret miegħu hija kbira.

Godfrey Ellul kien wieħed mill-31 każ tal-14 t’Awwissu
Jinstabu 31 każ; Ifiqu 54

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn