“M’għandi xejn x’naħbi” – Joseph Muscat

Miguela Xuereb

L-eks PM Joseph Muscat qal li m’għandu xejn x’jaħbi, sigħat wara li investigazzjoni mill-ġurnalisti żvelat li Yorgen Fenech għamel profitt mhux dikjarat ta’ €4.6 miljun mix-xiri ta’ wind farm f’Montenegro mill-Enemalta.

Fuq Facebook Muscat qal li segwa l-iżviluppi li ġew ippubblikati dwar il-proġett tal-Montenegro. Qal li diġà wieġeb il-mistoqsijiet li kellhom il-ġurnalisti.

“Għidt li din hija informazzjoni totalment ġdida għalija u dan kollu jista’ jiġi verifikat,” qal Muscat.

“F’ kull investigazzjoni, niddikjara minn issa li lest li nagħti disponibiltà sħiħa tiegħi lill-Pulizija biex nagħti kull informazzjoni u nwieġeb kull mistoqsija li jista’ jkollhom,” kiteb Muscat.

Yorgen Fenech għamel profitt mhux dikjarat ta’ €4.6 miljun mix-xiri ta’ wind farm f’Montenegro mill-Enemalta. Din l-informazzjoni ħarġet permezz ta’ investigazzjoni konġunta bejn Stephen Grey minn Reuters u Jacob Borg mit-Times of Malta.

Fix-xhur qabel inqatlet, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet qiegħda tinvestiga l-kumpanija 17 Black, li wara l-assassinju tagħha, sar magħruf li sidha kien Yorgen Fenech. F’Novembru li għadda, huwa ġie arrestat hu u jipprova jaħrab minn Malta bil-jott tiegħu. Bħalissa qed tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrih, peress li hu suspettat li ordna l-qtil.

L-Eks Ministru Konrad Mizzi saħaq li l-Enemalta għandha tippubblika l-informazzjoni kollha dwar il-proġett ta’ Montenegro, biex ikun hemm trasparenza sħiħa u tevita li ssir spekulazzjoni fuq xi aspett finanzjarju ta’ dan il-proġett.

Il-PM Robert Abela qal li għandu jiġi investigat kull min kien involut fl-allegazzjonijiet li saru.