M’għandhomx jitħassru l-attivitajiet; naraw x’sar ħażin – Farrugia Portelli

Read in English.

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li minflok jħassar il-parties skedati li jsiru f’Malta, il-Gvern ħa jara x’jista’ jsir aħjar u x’seta’ sar differenti.

Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, jekk parties u attivitajiet tal-massa organizzati minn għaqdiet kemm lokali kif ukoll internazzjonali f’Malta għandhomx jiġu kanċellati minħabba t-tixrid tal-coronavirus, il-Ministru qalet li fl-aħħar xahar kien hemm diversi attivitajiet tal-massa u ma kienx hemm tixrid tal-virus, “għalhekk wieħed irid jara’ x’seta mar ħażin”.

Dwar l-azzjoni industrijali tal-MAM, hija qalet li tappella biex inħarsu lejn kollox b’mod bilanċjat kif il-pajjiż mexa s’issa.

Rigward il-festivals internazzjonali li se jsiru f’Malta fix-xhur li ġejjin hija qalet li se tieħu ħsieb tara li dawn l-avvenimenti jsiru bi protokolli ċari. Temmet tgħid li minflok jiġu kkanċellati dawn l-attivitajiet bħalma qegħdin jitolbu ċerta entitajiet, il-Gvern se jkun qiegħed jimxi b’mod kawt u bilanċjat. Hija ma eskludietx li jkun hemm numru ristrett ta’ nies li jattendu għal dawn l-attivitajiet.

Il-Ministru tat-Turiżmu qalet li bħalissa għaddejjin konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet tas-saħħa biex fejn hemm bżonn ikun hemm protocols ċari fejn jidħlu l-attivitajiet tal-massa.