“M’għandhomx jiddaħħlu fl-iskejjel tfal bla titqib meħtieġ”

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pedjatrija appellat lill-Ministru tal-Edukazzjoni sabiex jassigura li tfal li ma jkunux ħadu t-titqib skont l-iskeda nazzjonali tal-immunizzazzjoni ma għandhomx jitħallew jiddaħlu fiċ-child care centres, nurseries u skejjel f’Malta.

Dan qaluh fi stqarrija fejn analizzaw bosta fatturi li jistgħu joħolqu inkwiet fil-pajjiż jekk it-tfal ma jingħatawx it-titqib neċessarju li jipprevjeni mard infettiv bħall-ħosba, rubella, polio u tetnu fost oħrajn.

Aqra: Tliet każijiet ta’ ħosba; l-Awtoritijiet tas-Saħħa jinvestigaw

L-assoċjazzjoni spjegat li bosta tfal qed jiddaħlu fis-servizz taċ-child care minn etajiet żgħar u qabel ma dawn ikunu ħadu t-titqib neċessarju. Qalet ukoll li minħabba li aktar kemm jgħaddi ż-żmien, in-nies li jieħdu t-titqib neċessarju qed jonqos, l-immunità tal-popolazzjoni qed tonqos ukoll filwaqt li kemm tfal li mhumiex immunizzati u kemm tfal u adulti li huma immunizzati jinsabu f’riskju ta’ mard li jista’ jkun ukoll fatali.

Intant, sabiex is-saħħa tal-popolazzjoni tkun garantita, l-assoċjazzjoni appellat ukoll lill-Ministru għas-Saħħa sabiex jassigura li tiġi introdotta leġiżlazzjoni ġdida fil-Parlament li tgħid li l-ġenituri jew kustodji tat-tfal li qed jgħixu f’Malta jridu jimmunizzaw lit-tfal skont l-iskeda nazzjonali tal-immunizzazzjoni.

15-il każ tal-ħosba, kollha bdew minn Malta

It-tabiba Charmaine Gauci, li hija s-Superintendent tas-Saħħa Pubblika kienet spjegat li mill-bidu tal-2019 sal-aħħar t’April kien hawn 15-il każ tal-ħosba f’Malta li kollha bdew lokalment.

Dan qalitu waqt li kienet qed titkellem ma’ Newsbook.com.mt hekk kif jidher li r-rata tal-persuni li qed jimordu bil-ħosba hija ikbar minn snin preċedenti. Din is-sena l-marda affettwat 13-il adult u żewġt itfal. Dr Gauci spjegat kif is-sena l-oħra kien hawn biss ħames każi ta’ ħosba erba’ minnhom ġew minn barra mill-pajjiż, filwaqt li ieħor ġie trasmess.

Aqra: Il-virus tal-ħosba jerġa’ jinfirex madwar id-dinja inkluż fl-Ewropa