M’għandhomx ibatu l-istudenti b’diżabbiltà minħabba l-pandemija – MAPSSS

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri ta’ Tfal fl-Iskejjel tal-Istat (MAPSSS) ingħaqdet mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà (CPRD) fl-ikkundannar ta’ diskriminazzjoni li qed isofru studenti b’diżabbiltà li mhux se jiġu pprovduti servizzi ta’ appoġġ minħabba kwistjonijiet operattivi u loġistiċi marbuta mal-Covid-19 fl-iskejjel.

MAPSSS ħarġet stqarrija dalgħodu li fiha tgħid li l-Ministeru tal-Edukazzjoni m’għandux joħloq sitwazzjoni fejn it-tfal vulnerabbli jitpoġġew f’qagħda żvantaġġjata.

Żiedet tgħid li fid-diskussjonijiet li kellha mal-MEDE fix-xhur tas-sajf, il-MAPSSS kienet talbet għal pjan ħolistiku biex l-iskejjel ikomplu bil-missjoni tagħhom li jappoġġjaw lil tfal vulnerabbli u lill-familji tagħhom psikoloġikament, soċjalment u akkademikament.

Se jbatu studenti bżonn għalliema speċifiċi – Oliver Scicluna

Dalgħodu l-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà Oliver Scicluna kien intervistat minn Jes Saliba fuq il-Morning Show fuq 103.

Huwa qal li l-aktar li se jbatu b’dawn in-nuqqasijiet huma l-istudenti li għandhom bżonn għalliema speċifiċi, pereżempju dawk li jirrikjedu għalliema apposta biex jgħallmu lill-persuni b’nuqqas ta’ smigħ jew b’nuqqas ta’ dawl. Semma wkoll li s-servizz ta’ early intervention ilu wieqaf aktar minn sena b’direttivi tal-MUT.

Il-Kummissarju aċċenna għad-diżappunt tiegħu li qajla hawn nies li jsemmgħu leħinhom fuq affarijiet li jolqtu lill-persuni b’diżabbiltà, ħliefu u ftit għaqdiet.

Scicluna stqarr li deherlu li l-miżuri mħabbrin mill-Ministeru għall-ftuħ tal-iskejjel fil-pandemija b’mod ġenerali huma tajbin, imma pretenda aħjar fejn jidħlu l-persuni b’diżabbiltà. Qal li anke l-istudenti li huma medikament vulnerabbli mhumiex jingħataw l-attenzjoni xierqa.

Huwa stenna konsultazzjoni diretta mal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni.

F’kummenti lil Newsbook.com.mt fuq il-kwistjoni lbieraħ, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal, “Ftaħna l-iskejjel l-ewwel bl-edukaturi, illum bl-istudenti u fil-jiem li ġejjin bis-servizzi meħtieġa lill-istudenti.”