Filmat: “M’għandhomx biex iħallsu lill-ħaddiema” – avukat dwar klijenti tas-Satabank

Francesco Trimboli, avukat li qed jirrappreżenta lill-klijenti tas-Satabank fl-assoċjazzjoni l-ġdida li ġiet iffurmata qal li hemm min m’għandux flus biżżejjed biex iħallas lill-klijenti tiegħu minħabba li l-kumpanija tiegħu kienet tuża’ Satabank għall-affarijiet bankarji tagħha.

Trimboli qal li qed jaħsbu biex jipprotestaw dwar dak li għaddej f’Satabank għax qal li s-sitwazzjoni marret għall-agħar.

Ma’ Newsbook.com.mt Trimboli spjega li minħabba li l-kontijiet jinsabu ffriżati bl-azzjoni li ttieħdet mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) għadd ta’ persuni lanqas għandhom flus biex jixtru l-ikel minħabba li l-kont ewlieni tagħhom fejn jirċievu l-paga kienu f’Satabank.

L-Assoċjazzjoni ATUSBUF, fi stqarrija appellat lil MFSA u lill-EY li huma l-kontrolluri, biex jikkunsidraw il-pożizzjoni ta’ dawn in-nies fl-istess waqt li saħqu li kontijiet bħal dawn jistgħu jingħataw lura lill-klijenti f’inqas minn 24 siegħa. L-Assoċjazzjoni qalet li hija disponibbli li tgħin fl-investigazzjonijiet mill-awtoritajiet u ħeġġet biex tinstab soluzzjoni għas-sitwazzjoni preżenti fl-inqas żmien possibbli.