Filmat: M’għandhiex tingħata impressjoni mod fuq l-ambjent u jsir mod ieħor – KA

Read in English.

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) qed tisħaq li m’għandhiex tingħata impressjoni mod fuq l-ambjent u mbagħad isir mod ieħor. 

Fl-okkażjoni tax-xahar iddedikat lill-Ħolqien, il-Kummissjoni ħarġet stqarrija dwar l-imħabba vera u r-rispett sinċier lejn il-Ħolqien. Il-Kummissjoni rrimarkat li fis-16-il sena kemm ilha mwaqqfa rat diversi greenwashing, jiġifieri bil-kliem tingħata impressjoni li qed tħares l-ambjent iżda fir-realtà jsir mod ieħor.

F’din l-istqarrija l-Kummissjoni kkritikat id-dikjarazzjonijiet pubbliċi li jsiru, bil-maġġoranza tagħhom jgħidu li d-deċiżjonijiet dwar dawn il-proġetti jkunu bbażati fuq studji xjentifiċi. Madankollu sostniet li dawn l-istudji qatt ma jiġu ppubblikati. Fost il-proġetti li l-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent issemmi hemm il-proġett tas-Central Link, ir-Rapport tal-2017 relatat mal-Industrija tal-Bini u s-suq tal-Propjetà f’Malta u l-aġġornament tiegħu kif ukoll l-istudju dwar il-fattabilità tal-mina bejn Malta u Għawdex.

Il-KA żiedet li meta tkun qed toqrob elezzjoni l-poplu jiġi mġiegħel jemmen li l-vuċi tiegħu se tkun stmata madankollu meta jkun se jseħħ xi proġett aktar jingħataw widen il-konsulenti u r-rapporti li dejjem baqgħu misterjużi. Komplew li huwa importanti li l-konsulenti jiġu kkonsultati iżda dawn għandhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq fatti riċerkati u mhux fuq il-perċezzjonijiet tagħhom.

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent semmiet ukoll it-tattika komuni li tintuża biex proġett li jkollu sfreġju ambjentali tingħata impressjoni li se jkun hemm ‘soluzzjonijiet’ biex ma jkunx hemm dan l-isfreġju. Żiedet li dan jaljena lill-pubbliku mill-mistoqsija fundamentali li hija jekk verament hemmx bżonn il-proġett jew le. Il-Kummissjoni qalet li jkun hemm drabi fejn il-pjanta tiġi emendata u jitnaqqsu xi affarijeit madankollu xorta waħda jkun qed jitnaqqas l-ispazji miftuħa għall-pubbliku.

F’din l-istqarrija l-Kummissjoni tiktirika wkoll lil min jaħdem fil-Knisja u jagħżel li jikkawża ħsara ambjentali permezz ta’ proġetti billi jbigħ jew jikri art tajba għall-iżvilupp bl-iskuża ta’ ħtiġijiet pastorali. Semmiet ukoll li Malta l-awtoritajiet qed jibżgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet ambjentali biex ma jurtawx lill-elettorat. Qalet li hemm dewmien eseġerat biex jitwaqqaf l-użu ta’ boroż u ppakkeġġar tal-plastik u ħeġġet għal azzjoni malajr biex issir ġustizzja ma’ dawk il-produtturi li fittxew alternattiva sostenibbli biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent appellat biex kull proġett li jitfassal għandu jkun intenzjonat li jkun hemm bilanċ ekwu bejn interessi ambjentali, interessi soċjali u dawk ekonomiċi. Kompliet li bħala Kummissjoni tinnota li hemm numru ta’ persuni  li qed isemmgħu leħinhom favur l-ambjent. Ħeġġet lil kulħadd biex jopponi kull attentat li jsir biex jittieħed vantaġġ politiku.

Il-Kummissjoni appellat biex kulħadd jimpenja ruħu ħalli tiġi rispettata bis-serjetà din l-Art Ħelwa, l-Omm li tatna isimha.