M’għadux isir screening għad-deni fuq il-Gozo Channel

Read in English.

Jidher li twaqqaf l-iscreening għad-deni li kien qed isir qabel ma wieħed jitla’ fuq il-vapuri tal-Gozo Channel.

Dan ikkonfermawh sorsi ta’ Newsbook.com.mt li spjegaw li mit-Tnejn li għadda, il-passiġġiera tal-Gozo Channel ma baqax isirilhom it-test għad-deni.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li l-ħaddiema li jkunu fil-marshalling areas mhux qed ikunu lebsin il-maskri protettivi, filwaqt li l-persuni li jitilgħu fuq il-vapur, anke dawk bil-karozza, iridu jkunu lebsin dawn il-maskri.

Din il-kwistjoni qamet ukoll fil-Parlament din il-ġimgħa, hekk kif il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Chris Said qal li l-iscreening li kien qed isir bejn Malta u Għawdex twaqqaf ħesrem u mingħajr avviż. Said għamel mistoqsija supplimentari dwar dan lill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nhar it-Tlieta li għadda sabiex jara x’kienet ir-raġuni.

Il-Ministru Camilleri wieġeb jgħid li se jkun qed jiċċekkja u jagħtih risposta aktar tard. Hu rrimarka li m’għandux dettalji dwar dan. Fuq Facebook, Said sostna li hija xi ħaġa tal-iskantament li Camilleri mhux infurmat minkejja li jaqsam bejn Malta u Għawdex kważi kuljum. Qal li meta reġa’ għamillu l-istess mistoqsija, Camilleri bagħtu jistaqsi lil Joe Cordina, iċ-Chairman tal-Gozo Channel.

JITWAQQAF L-ISCREENING TA' DAWK LI JAQSMU BEJN MALTA U GHAWDEX.Bla kliem u bla sliem twaqqaf l-iscreeing li kien qed…

Posted by Chris Said on Wednesday, May 27, 2020

F’kumment ma’ Newsbook.com.mt, Said qal li hu vjaġġa lejn Malta nhar it-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa u ra b’għajnejh li l-iscreening twaqqaf.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet kemm lill-Ministeru għal Għawdex kif ukoll lil Gozo Channel. Madanakollu, sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu ma waslet l-ebda risposta.Ilmenti oħra li rċieva Newsbook.com.mt dwar is-servizz tal-Gozo Channel waqt din il-pandemija tal-coronavirus jinkludu li l-blowers fit-toilets tal-vapur ma ntfewx minkejja r-riskju li jxerrdu l-virus u li s-sanitiser abbord il-vapuri hu ta’ kwalità baxxa tant li wieħed ikollu jmur jaħsel idejh.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn