M’għadux ifittixni iżjed!

X'jiġri meta s-sieħeb/sieħba tiegħek ikollu/ikollha d-dipressjoni?

Ritratt: REUTERS/Kevin Light

“Mhux qiegħed ifittixni iżjed!” “Qabel konna nkunu intimi erba’ darbiet fil-ġimgħa imma issa xejn u bilkemm jgħannaqni!” “M’għadux iħobbni!” “Jidħol id-dar u jibqa’ sejjer dritt jorqod!”

Madwar 17% tal-popolazzjoni xi darba jew oħra f’ħajjithom jgħaddu minn żmien ta’ dipressjoni. Id-dipressjoni fil-fatt taffettwa kważi kull aspett ta’ ħajjitna, inkluż ir-relazzjonijiet li nibnu mal-oħrajn. Meta wieħed mill-partners isofri minn dipressjoni, ir-relazzjoni tista’ tbati ħafna. Relazzjoni tajba u soda hija terapewtika (tfejjaq) għal xi ħadd li jkun għaddej minn dipressjoni. Huwa żmien meta l-bniedem ikollu bżonn ħafna sapport u mħabba iżjed minn qatt qabel.

X’jiġri meta s-sieħeb/sieħba tiegħek ikollu/ikollha d-dipressjoni?

Persuni li jkunu għaddejjin minn żmien ta’ dipressjoni ġeneralment iħossuhom maqtugħin min-nies ta’ madwarhom. Iħossuhom li ma għandhomx biżżejjed enerġija biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum, pereżempju jieħdu ħsieb tagħhom infushom, imorru għax-xogħol u joħorġu. Dan jista’ faċilment iwassal biex is-sieħeb l-ieħor li ma jkunx għaddej minn żmien ta’ dipressjoni jħossu li huwa mhux maħbub, li ma hemmx l-attrazzjoni u l-interess. Dawn, naturalment, fost sentimenti u ħsibijiet oħra. Huwa faċli ninterpretaw il-burdata dipressiva ta’ min ikun f’dipressjoni bħala ostilità u bruda u saħansitra prova li tilef jew tilfet l-interess fir-relazzjoni.

Spiss jiġri li persuni qrib persuna li tkun għaddejja mid-dipressjoni jsibuha diffiċli biex jifhmu għaliex il-persuna li tant iħobbu tkun qiegħda taġixxi b’mod stramb, titlef l-abbiltà li ssegwi dak li jkun għaddej, u ma tifraħx f’mumenti sbieħ. F’dawn il-mumenti diffiċli tajjeb niftakru li dawn huma sintomi normali tal-kundizzjoni u li l-persuna ma għandhiex kontroll totali fuq l-imġiba tagħha.

Il-prestazzjoni sesswali

Minn perspettiva klinika huwa ċar li d-dipressjoni għandha tendenza li taffettwa kull sistema f’ġisimna. Dan l-effett huwa l-iżjed evidenti fejn jidħol l-irqad. Hija ħaġa komuni li din il-persuna titlef in-normalità u r-regolarità fl-irqad, u għalhekk issib xi wħud li jorqdu iżjed milli suppost, oħrajn jorqdu inqas, u terġa’ oħrajn li jkollhom iljieli mqallbin ħafna.

Imma apparti mill-irqad, kull attività li għandha bżonn l-enerġija, spontanjetà u kordinazzjoni tajba, inkluż l-attività sesswali, tista’ tiġi influwenzata mid-dipressjoni. Sfortunatament, ħafna individwi li jkunu għaddejjin minn dipressjoni jitilfu l-aptit u l-interess fis-sess.

Imma dan mhux dejjem ikun il-każ. Xi nies jirnexxilhom iżommu l-ħajja sesswali tagħhom intatta, allavolja jkunu għaddejjin minn żmien iebes. Xi kultant, anzi, għal xi wħud is-sess ikun l-unika attività li tagħtihom gost u affermazzjoni psikoloġika.

Mill-esperjenza klinika nirrealizzaw li fl-irġiel, l-għeja u s-sentiment ta’ telf tat-tama huma ġeneralment assoċjati ma’ nuqqas ta’ aptit sesswali u anke problemi fl-erezzjoni fil-parti maskili.

Mill-banda l-oħra, fin-nisa d-dipressjoni hija assoċjata ma’ nuqqas ta’ interess fl-attivitajiet sesswali kif ukoll fid-diffikultà li jilħqu l-orgażmu (li huwa l-qofol u l-milja tar-risposta sesswali femminili).

Ħafna minn dawn il-problemi għandhom it-tendenza li jonqsu meta dak li jkun għaddej minn dipressjoni jibda jmur għall-aħjar. Anzi xi drabi l-interess sesswali jista’ jkun l-ewwel sinjal bikri li l-persuna tkun qiegħda tirkupra mid-dipressjoni.

Fil-ħarġa li jmiss niddiskutu t-terapija psikoterapewtika u farmakoterapewtika f’dak li jirrigwarda s-sess, kif ukoll dak li jkun x’jista’ jagħmel.

Dott. Nicholas Briffa huwa Clinical Psychologist, Couple Therapist u Sexologist

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Flimkien Dicembru