“M’għadniex nattiraw turisti ta’ kwalità” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li n-negozji żgħar fil-qasam tal-bejgħ tal-ikel u servizzi qegħdin jilmentaw li l-infiq mit-turisti mhux qed ilaħħaq ma’ dak li kien mistenni minnhom, peress li d-dħul mhuwiex jissodisfa l-investiment tagħhom.

Fi stqarrija, il-PN qal li l-Gvern mhux jagħmel biżżejjed biex jara li Malta tkun nadifa u tibqa’ attrazzjoni għat-turisti, peress li t-telqa tidher f’diversi oqsma. Spjega li Malta m’għadhiex prodott ta’ kwalità għal turisti ta’ kwalità.

Il-PN stqarr li hu jinsab impenjat li jara li jaħdem mas-setturi kollha involuti biex Malta tkun prodott ta’ kwalità u tkun fl-aħjar pożizzjoni li tattira persuni li mill-konsum tagħhom igawdu wkoll in-negozji u l-ħwienet iż-żgħar.